Sunday, December 22, 2024

Il-leave tal-paternità se jiżdied għal għaxart ijiem

F’Awwissu jidħol it-titjib fil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’Awwissu se tidħol fis-seħħ il-liġi li se ttejjeb il-kundizzjonijiet u se tagħti aktar drittijiet lil kategoriji differenti ta’ ħaddiema bħalma huma l-leave tal-paternità, il-leave tal-ġenituri, il-leave għall-carers u d-dritt għal arranġament ta’ xogħol flessibbli. Dan se jkun b’effett tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. 

B’hekk se tkun qiegħda titwettaq wegħda elettorali oħra mressqa mill-Gvern filwaqt li dawn id-drittijiet se jkomplu jibnu fuq il-ħidma sfiqa li saret fl-aħħar snin fejn jidħlu d-drittijiet tal-ħaddiema.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul spjega li fl-aħħar ġimgħat u xhur saru diversi laqgħat ma’ stakeholders, inklużi rappreżentanti tal-ħaddiema u min iħaddem, bil-għan dejjem ikun li jintlaħaq bilanċ fejn tidħol l-introduzzjoni ta’ dawn id-drittijiet. Huwa qal li l-liġi tal-‘work-life balance’ se tidħol fis-seħħ mit-2 ta’ Awwissu li ġej. 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul

Permezz ta’ dak li qed jiddaħħal fis-seħħ, il-missirijiet/it-tieni ġenituri ekwivalenti, se jkunu intitolati għal għaxart ijiem imħallsa b’mod sħiħ, mingħajr ebda telf ta’ paga.

Kull ġenitur se jkun intitolat għal 4 xhur leave għall-ġenituri, li xahrejn minnhom ikunu mħallsa skont in-National Parental Leave Rate u xahrejn l-oħra li mhux imħallsa jkunu jistgħu jiġu trasferiti bejn ġenitur u ieħor.

Ix-xahrejn imħallsa tal-leave tal-ġenituri, ikunu jistgħu jittieħdu gradwalment matul l-ewwel 8 snin tat-tarbija biex fl-aktar mumenti li jkun hemm bżonn fit-trobbija tal-wild, il-ġenituri jkunu jistgħu jaqsmu dan il-piż flimkien. Il-Gvern Malti qed jestendi dan id-dritt biex jgħodd ukoll għall-foster carers.

Dritt ġdid li sa issa ma kienx parti mil-liġi Maltija tax-Xogħol huwa l-leave għall-Carers. Il-ħaddiema kollha se jkunu intitolati għal ħamest ijiem fis-sena mingħajr ħlas biex f’każ ta’ bżonn biex jipprovdu indukrar jew appoġġ personali lil qarib jew lil persuna li tgħix fl-istess dar mal-ħaddiem għal raġuni medika.

F’dak li jirrigwarjda d-dritt għal arranġament ta’ xogħol flessibbli, il-ġenituri li jaħdmu, se jkollhom id-dritt li sakemm it-tfal jaslu sal-età ta’ 8 snin, jitolbu arranġamenti ta’ xogħol flessibbli għall-finijiet ta’ indukrar.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul tkellem ukoll dwar l-isfidi globali bħall-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna u qal li dawn m’għenux anzi tefgħu aktar piżijiet fuq in-negozji. Għaldaqstant, sostna li bħalma sar f’oqsma oħra, se tingħata għajnuna lin-negozji f’din l-ispiża.

Il-Gvern se jkun qiegħed iġorr l-ispiża għal sena u nofs. Il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri, li l-introduzzjoni tagħhom se tfisser li se tiġi trasposta d-Direttiva tal-Work-Life balance, se jsir totalment mil-Gvern għall-ewwel sena u nofs sal-aħħar tal-2023. Mill-ewwel ta’ Jannar tal-2024, il-Gvern jibqa’ jġorr l-ispiża relatata mal-ħaddiema tiegħu u l-privat jidħol għas-sehem tiegħu.

Ekonomija

Sport