Sunday, December 22, 2024

Il-Legat ta’ Henry Kissinger

Aqra wkoll

Henry Kissinger, li miet ftit tal-jiem ilu fl-eta’ ta’ 100 sena, ser jibqa’ mfakkar bħala inidividwu – li tajjeb jew ħażin – ħalla l-marka tiegħu fejn jidħlu r-relazzjonijiet internazzjonali.

Huwa serva taħt amministrazzjonijiet Repubblikani fil-Kabinett Amerikan, l-ewwel bħala Konsulent għas-Sigurta’ Nazzjonali, umbagħad ukoll bħala Segretarju tal-Istat taħt il-Presidenti Richard Nixon u Gerald Ford.

L-istorja tiegħu għanda suċċessi, imma wkoll mifnija bi kritika liema bħala. L-impatt tiegħu fuq il-gwerra tal-Vietnam, li mxiet għall-Cambodia wkoll waslet biex saħansitra jissejjaħ bħala “war criminal”. Dan għaliex mal-150,000 persuna mietu minħabba l-ibbumbarjar mill-Amerikani fuq il-Cambodia fejn allegatament kienu qed isibu refuġju l-komunisti tal-Vietnam.

Apparti hekk, Kissinger ġie kritikat ukoll minħabba s-sapport tiegħu għal attivitajiet anti-demokratiċi fl-Amerka Latina, filwaqt li għen mhux ftit biex il-President Demokratiku Salvador Allende fiċ-Ċili jitneħħa f’kolp ta’ stat fl-1973. Wara li tneħħa Allende, iċ-Ċili għadda f’idejn Augusto Pinochet – dittatur ripressiv li ħafna jiddeskrivu bħala faxxist.

Dawn kollha huma affarijiet li jifformaw parti mill-istorja ta’ Kissinger – affarijiet li kellhom impatt sinifikanti fuq id-dinja ta’ dak iż-żmien, u li l-effetti tagħhom għadhom qed jinħassu sal-lum il-ġurnata wkoll.

Madanakollu hemm affarijiet oħrajn fil-legat ta’ Kissinger li għadhom jinħassu llum. Bla dubju ta’ xejn, l-ewwel waħda minn dawn hija l-ftuħ tar-relazzjonijiet bejn l-Amerka lejn iċ-Ċina – relazzjonijiet li kien ilhom snin twal ostili minħabba li kienu l-Komunisti rebħu l-gwerra ċivili wara t-tieni gwerra dinjija.

Kissinger lagħab ukoll rwol importanti fejn jidħol il-paċi bejn l-Iżrael u l-Eġittu, grazzi għax-‘shuttle diplomacy’ tiegħu. Apparti hekk, kien Kissinger li ffaċilita laqgħat mal-Unjoni Sovjetika, xi ħaġa li waslet għal de eskalazzjoni fejn tidħol il-Gwerra Bierda fil-perjodu tad-detente.

F’termini politiċi, Kissinger kien realist u azzjoni ma kienx jiddejjaq joħoda, diment li l-interessi Amerikani kienu ser imorru minn quddiem. Madanakollu dan ir-realiżmu wassal biex eluf tilfu ħajjithom, filwaqt li miljuni oħrajn sofrew mhux ftit konsegwenza tal-azzjonijiet tiegħu.

Fl-istess nifs, kien hu, flimkien ma’ Nixon, li fetaħ l-Amerka lejn iċ-Ċina, filwaqt li rebaħ ukoll il-Premju Nobel għall-Paċi (flimkien ma’ Le Duc Tho, li rrifjuta l-premju) wara li ġie negozjat it-tluq tal-Amerikani mill-Vietnam. Ma nistax ma ngħidx li r-rebħ ta’ Kissinger ta’ dan il-premju huwa wieħed kemm kontroversjali u anke ironiku, anke għaliex dak kollhu li għamel Kissinger jippunta li kien favur it-tkomplija tal-gwerra, permezz ta’ sapport Amerikan.

Fi kliem ieħor, Kissinger kien bniedem b’żewġ uċuħ. Mhux għax il-valuri tiegħu kienu jinbidlu minn ġurnata għall-oħra – imma għaliex tista’ tgħid li l-uniċi valuri li kellu kienu dawk li hu kien iħoss li huma l-interessi Amerikani.

Madanakollu, id-dinja u l-ħajja umana huma akbar minn kwalunkwe interess – u għalhekk il-kritika, ħafna drabi ġusta, fil-konfront tiegħu.

Ekonomija

Sport