Sunday, November 10, 2024

“Il-legat tar-Reġina hu li wieħed jista’ jmexxi bla ma jkun supperv”

Il-President ta’ Malta George Vella

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-legat li se tħalli r-Reġina Eliżabetta II hu li wieħed jista’ jmexxi u jkun fil-pożizzjoni li kienet hi bla ma jkun supperv u billi jibqa’ aċċessibbli għall-poplu.” Dan qalu l-President ta’ Malta George Vella waqt intervista li kellu ma’ talk.mt dwar min kienet ir-Reġina Eliżabetta II, li ħalliet din id-dinja l-Ħamis li għadda fl-età ta’ 96 sena. Hija kienet ilha fuq it-tron sa mill-1952.

Il-President Vella beda biex qal li l-ewwel reazzjoni wara l-aħbar tal-mewt tagħha, kienet waħda ta’ dispjaċir. “Hija kienet Reġina ta’ pajjiżna sal-1974 meta sirna Repubblika. Ir-relazzjonijiet tagħha ma’ Malta dejjem kienu mill-aqwa,” żied jgħid filwaqt li fakkar kif iż-żmien li għamlet tgħix f’pajjiżna, għalkemm ma kienx fit-tul, kienet tiddeskrivih bħala l-aktar żmien sabiħ ta’ ħajjitha.

Il-President Vella qal li l-aħħar li ltaqa’ magħha kien f’Marzu tal-2020 meta laqgħetu f’Buckingham Palace. Ħafna mid-diskussjonijiet kienu jinvolvu dwar l-iżviluppi f’Malta u kif sejra l-ekonomija ta’ pajjiżna. “Is-sempliċità u t-tbissima tagħha tagħmlek tħossok komdu,” qal il-President. 

“Meta taqbad tkellmek fuq Malta kont taraha tinteressa ruħha. Niftakar li minbarra ħadnilha ċestun ta’ affarijiet tal-ikel minn Għawdex, akkwistajna serje ta’ ritratti, black and white, meta kienet hawn Malta li ma kienu ppubblikati qatt u tant kienu għoġbuha ħafna li bdiet tistaqsina minn fejn konna ġibnihom.”

Il-President Vella qal ukoll li f’okkażjonijiet bħall-ftuħ tal-Parlament, dejjem kien jammiraha meta kienet tagħmel diskorsi ċari, sentenzi qosra fejn il-messaġġ jasal mill-ewwel. Minbarra f’hekk, huwa sostna li r-Reġina kellha wkoll taffaċċja problemi familjari iżda min-naħa l-oħra kellha l-mod tagħha kif tistrieħ. 

Fakkar li kien hemm okkażjonijiet fejn kellha tkun iebsa ma’ ċertu Prim Ministri. “Ma kinitx tgħid iva għalkollox. Imma kellha l-opinjonijiet tagħha u kienet taf twassalhom.” 

Mistoqsi dwar il-Commonwealth, il-President Vella qal li r-Reġina Eliżabetta II kellha mertu kbir ta’ kif dan ġie mwaqqaf li fissru bħala mudell tajjeb li kompla jattira aktar pajjiżi li qatt ma kienu fl-Imperu fosthom l-Angola u anke r-Rwanda.

“Ir-Reġina minn dejjem uriet li kellha ħafna mħabba lejn il-Commonwealth. Kienet tara potenzjal fih. Kont naf kemm hi u l-Prinċep Charles, illum Re, kienu jħobbuh. Fil-fatt hija għamlet dokument tal-Commonwealth u dan l-aħħar snin kienet anke ddikjarat li qed tgħaddi r-responsabbiltà lir-Re Karlu,” qal il-President Vella.

Sport