Thursday, October 9, 2025

IL-LEMIN “ESTREM”

Aqra wkoll

Issa kienet ir-Repubblika Ċeka li tat maġġoranza relattiva lil-lemin “estrem” fl-aħħar elezzjonijiet parlamentari tagħha. Iċ-ċaqliqa lejn din-naħa tal-kumpass politiku qed issir wisq ċara u ripetuta. Mir-Renju Unit u Franza sal-Awstrija u l-Greċja, is-saħħa tagħhom qed tiżdied.

Ħabib tiegħi qalli: Huma l-partiti li qed juru konsistenza. Billi mhumiex jiddaħħlu f’koalizzjonijiet ta’ gvern, jistgħu jibqgħu jirrepetu l-argumenti u l-proposti tagħhom. Waqt li partiti oħra jkollhom jillipazzaw, huma m’għandhomx għalfejn. Ir-rankatura fl-Istati Uniti ta’ Trump tagħtihom kredibilità. Sadattant, il-partiti u l-politiċi liberali jew soċjal-demokratiċi mhumiex jimpressjonaw: biżżejjed inħarsu lejn ir-riżultati ta’ Macron fi Franza u Scholz fil-Ġermanja. It-tendenza lejn il-lemin “estrem” se tibqa’ tissaħħaħ mhux titbiel fiż-żmien li ġej. 

Nemmen li dan hu pessimiżmu esaġerat. Imma veru li l-esponenti tal-lemin “estrem” qed jirnexxilhom juru ruħhom bħala l-aktar ċari u konsistenti fil-proposti tagħhom.

GĦAWDEX U L-LABOUR

Inkwetanti għall-Partit Laburista kif jekk nemmnu s-sondaġġi, qed jitlef parti sostanzjali tal-appoġġ tiegħu f’Għawdex. Dan wara li fuq numru ta’ deċennji, rnexxielu jaqleb id-dominanza li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu politikament f’Għawdex u jibdilha f’maġġoranza Laburista. Dan l-iżvilupp beda qabel il-PN ħatar kap Għawdxi. Lanqas nemmen li kellu x’jaqsam mal-fatt li numru ta’ votanti f’Għawdex huma Maltin b’dar sekondarja hemmhekk. 

Biex il-biċċa tkompli tikkomplika ruħha, fl-aħħar snin Għawdex “kellu” tliet Ministri, ħaġa li qatt ma ġrat qabel, fl-ebda gvern ieħor PN jew PL. X’inhu jiġri? Niddubita kemm il-problema tissolva billi jsiru diskorsi iebsa kontra l-akkużi li nqalgħu dwar l-iskartar mix-xogħol fl-uffiċċji tal-gvern f’Għawdex.

JOE VELLA

Iddispjaċieni ħafna meta smajt bil-mewt ta’ Joe Vella u dan wara sew li ġrat. Kont nistenna li bħala ġrajja tingħata aktar attenzjoni mill-medja għax Joe qatta snin twal bħala editur tal-Malta News, imbagħad tad-Daily News u wara tal-Weekend Chronicle, ġurnali minsija tal-Union Press (illum UnionPrint).  Serva wkoll għal snin bħala rappreżentant tal-ġurnalisti Maltin fil-għaqda professjonali tagħhom.

Niftakru bħala wieħed mill-ewwel kuntatti regolari tiegħi (jekk mhux l-ewwel) mal-Union Press. Ma kontx impenjat publikament fil-ħidma politika u kont nikteb xi artiklu ’l hemm u ’l hawn bl-isem ta’ Tumas Borg. Joe kien stedinni nikteb regolarment fid-Daily News, u hekk għamilt, darba fil-ġimgħa għal snin twal. Meta l-gazzetta twaqqfet u għal xi snin oħra, baqa’ l-editur tal-gazzetta ta’ kull ġimgħa l-Weekend Chronicle, qalli nkompli nibgħatlu l-artiklu. Kienu żminijiet oħra….

Niftakru bħala bniedem modest, ta’ ftit kliem, tolleranti u diskret… waqt li kien osservatur akut ta’ xi jkun għaddej. Nibgħat kondoljanzi profondi lill-familja kollha tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport