Ġewwa l-Olanda, il-politiku populist Geert Wilders, li huwa magħruf għall-politika anti-Iżlamika li jħaddan, rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Il-Freedom Party jew kif inhu magħruf aħjar il-PVV, rebaħ 37 siġġu mill-150 li jiffurmaw il-Parlament Olandiż.
Wilders qal li jrid ikun ‘il-prim ministru ta’ kulħadd’ iżda sabiex jagħmel dan huwa jrid jikkonvinċi diversi partiti sabiex jgħaqqad alleanza ta’ mill-anqas 76 siġġu.
Din ir-rebħa, minbarra li heżżet il-politika Olandiża, qajmet ħafna tħassib ġewwa l-Unjoni Ewropea minħabba li mill-ġdid hemm il-biża’ li qiegħed jerġa’ jqum il-populiżmu.
Min hu Geert Wilders?
Geert Wilders, magħruf fix-xena politika Olandiża bħala Mozart, minħabba l-istil ta’ kif iżomm xagħru, illum jgħodd 61 sena u ilu fix-xena politika Olandiża għal dawn l-aħħar 30 sena.
Minkejja li l-ideologija politika tiegħu hija ċara li xxaqleb lejn il-lemin estrem, dan l-aħħar, sabiex ikun aktar elettorabli, huwa warrab fil-ġenb ċertu policies estremi li kienu jikkaratterizzaw il-politika tal-partit tiegħu.
Fil-fatt, fil-bidu tal-kampanja elettorali, huwa qal li l-politika tal-partit tiegħu li kienu sejrin jżommu li jinbigħ il-Koran ġewwa pajjiżhom u li jingħalqu l-moskej u l-iskejjel Iżlamiċi, ‘sejrin jiddaħħlu ġewwa l-fridge’, jiġifieri li sejrin jiġu ppriservati għal mument iehor. Fil-passat, Wilders kien instab ħati li insulta nies ta’ oriġini Marokkina billi għajjarhom bħala ‘ħmieġ’.
Minkejja dan, huwa żamm il-politika tiegħu taz-zero tollerance kontra l-immigrazzjoni ġewwa pajjizu, argument li wasslu sabiex jirbaħ ħafna mid-dibattiti li kien hemm fil-kampanja elettorali li għadha kemm għaddiet.
Wilders huwa kburi ħafna li huwa ngħata l-laqam tat-Trump Olandiż u saħansitra l-ewwel dikjarazzjoni li għamel wara t-tħabbira tar-rebħa kienet ‘Irrid nerġa’ nġib lill-Olandiżi n-numru wieħed ġewwa l-Olanda’, dikjarazzjoni li tixbaħ ħafna l-islogan li kien uża Trump fl-2016 li kien dak li ‘nieħdu lura l-Istati Uniti għall-Amerikani’.
Wilders, li huwa miżżewweġ diplomatika Ungeriża, ħaġa li tagħmlu qrib ħafna ta’ Victor Orban, il-Prim Ministru Ungeriż, u l-politiku populista per-eċċelenza ġewwa l-Unjoni Ewropea, qatta’ l-maġġoranza tal-karriera politika tiegħu fl-oppożizzjoni, għalkemm kien jifforma parti mill-gvern ibbażat fuq il-partiti tal-lemin estrem immexxi minn Mark Rutte bejn 2010 u l-2012.
Ta’ min jgħid li Wilders kien wieħed mill-perċimes tal-waqgħa ta’ dan l-istess gvern. Naturalment, kif fuq kollox huwa mistenni, u Wilder jirnexxielu jifforma gvern, l-alleati tiegħu ġewwa l-Unjoni Ewropea huma l-partiti tal-lemin estrem.
Fil-fatt, esponenti minn dawn il-partiti, fosthom l-istess Orban, il-Franċiżi Marine Le Pen u l-Ispanjol u l-mexxej tal-Vox, Santiago Abascal, kienu minn tal-ewwel li bagħtu jifirħu lil Wilder għal din ir-rebħa storika. Meloni rnexxielha tifforma koalizzjoni leminija b’saħħitha wara r-rebħa tagħha.
Sa ċertu punt, Geert Wilders uża l-mudell tal-Prim Ministru Taljana Giorgia Meloni sabiex rebaħ l-elezzjoni billi rażżan ilsienu fuq temi li huma wisq estremi sabiex kiseb ammont kbir ta’ voti li normalment kienu jeħduhom il-partiti taċ-ċentru lemin, voti li flimkien ma’ dawk tal-lemin estrem wassluh għal din ir-rebħa.
Minkejja li parti mill-midja internazzjonali mhijiex ċerta li Wilders sejjer jirnexxielu jifforma koalizzjoni bħal dik ta Meloni, ħafna esperti tal-politika Olandiża qegħdin jgħidu li l-karattru estrovert ta’ Wilders jaf jgħinu jikkonvinċi xi partiti taċ-ċentru-lemin sabiex jiggvernaw miegħu.