Wednesday, April 24, 2024

Il-LESA kellha kważi €13 miljun u nofs fi dħul miċ-ċitazzjonijiet fl-2022

Is-sena ta’ qabel l-ammont kien iżjed…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’mistoqsija parlamentari magħmula lill-Ministru tal-Intern Byorn Camilleri dwar kemm kien id-dħul tal-LESA miċ-ċitazzjonijiet, sena b’sena bejn l-2019 u l-2022, irriżulta li s-sena l-oħra dan kien ta’ €13,482,015.99 li minnhom ħalset għall-operat tagħha fejn jidħlu salarji u kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kirjiet, apparat, vetturi, prosekuzzjoni quddiem it-Tribunal u spejjeż oħra, kif ukoll għamlet diversi ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u t-Tribunali Lokali. 

“Ma’ dawn ukoll jiżdiedu ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali, Kunsilli Reġjonali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali ta’ ftit aktar minn miljun Ewro fis-sena u dan skont ftehim li ġie ffirmat bejn l-istess Aġenzija LESA u l-AKL,” spjega l-Ministru Camilleri.

Fid-dettalji li ta minħabba li ġie mistoqsi speċifikament kemm minn dawn il-flus ingħataw lura direttament lill-Kunsilli Lokali u lill-Kumitati Reġjonali inklużi skemi, il-Ministru tal-Intern qal li s-sena l-oħra, mit-total ta’ kważi €13-il miljun u nofs, il-ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €285,813.95; dak lill-Kunsilli Reġjonali kien ta’ €8,836.11; spejjeż tar-Reġjuni ta’ €252,878.97; €277,330.14 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali; filwaqt li €1,275,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi.  Dan ma jinkludix spejjeż oħra marbuta man-natura tax-xogħol.

Filwaqt li qal li l-Aġenzija LESA għandha r-responsabbiltà li tiġbor il-ħlas tat-taħrikiet maħruġa minn diversi entitajiet f’pajjiżna huwa ta din il-lista tas-snin preċedenti fir-rigward:

Fl-2019 it-total id-dħul tal-LESA miċ-ċitazzjonijiet kien ta’ €8,941,138.04 bil-ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €275,517.86; lill-Kunsilli Reġjonali ta’ €9,055.12; spejjeż tar-Reġjuni ta’ €577,629.91; €161,030.47 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali; filwaqt li €1,000,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. 

Fl-2020 it-total kien ta’ €9,140,661.38, filwaqt li ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €221,410.67; lill-Kunsilli Reġjonali ta’ €6,854.44; spejjeż tar-Reġjuni ta’ €452,060.99; €179,863.03 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali; filwaqt li €1,150,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. 

Fl-2021 it-total kien ta’ €13,809,407.06, fejn il-ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali kien ta’ €341,097.58; lill-Kunsilli Reġjonali ta’ €11,584.77; spejjeż tar-Reġjuni ta’ €224,582.28; €270,565.83 ħlas lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali; filwaqt li €1,418,000 ingħataw lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi. 

Aktar fid-dettal…

Minn dan naraw kif id-dħul tal-LESA miċ-ċitazzjonijiet f’dawn is-snin beda bi kważi €9 miljuni fl-2019 biex kull sena baqa’ jogħla sakemm l-aktar sena li fiha kien hemm dan it-tip ta’ dħul kienet l-2021 bi ftit aktar minn €13,800,000. Is-sena ta’ wara, jiġifieri dik li għadna kemm spiċċajna, kien hemm tnaqqis ta’  €327,391.07.

Barra minnhekk, il-ħlasijiet lill-Kunsilli Lokali varja tul dawn is-snin bl-għola wieħed kien fl-2021 b’total li kważi laħħaq it-€350,000. Lill-Kunsilli Reġjonali, l-akbar ammont ingħata wkoll fl-2021 u dan kien ta’ ftit aktar minn €11,500. 

L-ammont totali li ngħata lura lill-Kunsilli u Reġjuni permezz ta’ skemi bejn l-2019 u l-2022 kien ta’ €4,843,000, medja ta’ €1,210,750 kull sena. It-total globali ta’ dħul li għamlet il-LESA miċ-ċitazzjonijiet f’dawn l-erba’ snin kien ta’ €45,373,222.47.

Sport