Wednesday, December 25, 2024

“Il-liġi hi ċara… iżda l-abbuż huwa reali u jeħtieġ li jieqaf”

Il-Ministru Miriam Dalli tgħid li hi ħasra li għad hawn min qed iqabbad l-ilma tax-xita mill-bjut dirett fis-sistema tad-drenaġġ

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Hija ħasra li għad għandna individwi u kumpaniji li għadhom qed iqabbdu l-ilma tax-xita mill-bjut dirett fis-sistema tad-drenaġġ. Ir-riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet irresponsabbli qed iħallu riperkussjonijiet fuq bażi nazzjonali. Ħsarat fis-sistemi tagħna inkluż tappieri li jinqalgħu minn posthom waqt il-maltemp u persuni li jirrappurtaw infiltrazzjoni tad-drenaġġ fil-proprjetà tagħhom.”

Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli fil-Parlament meta kienet qiegħda tiġi diskussa l-ħidma tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għas-sena 2022. Ħidma li hi xhieda tal-impenn tal-Gvern li jipprovdi kwalità ta’ servizz għoli, sigurtà ta’ provvista, sostenibbilità u affidabilità fis-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ għal kulħadd.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Dalli għamlitha ċara li s-sistema tan-network tad-drenaġġ mhijiex iddisinjata biex tilqa’ fiha ilma tax-xita, wisq anqas ammonti ta’ xita qawwijin. Hija enfasizzat li: “qed nieħdu din l-anomalija fl-iddisinjar tal-bini f’pajjiżna b’serjetà kbira. Il-liġi hija ċara, madanakollu l-abbuż huwa reali u jeħtieġ li jieqaf.”

Il-Ministru Dalli rrimarkat li matul is-sena li għaddiet id-Discharge Permitting Unit tal-Korporazzjoni wettaq kważi 6,800 spezzjoni, mal-1,900 spezzjoni aktar mis-sena ta’ qabel. Qalet ukoll li dan il-unit ħareġ aktar minn 2,500 permess, biex jiżgura konformita mal-ogħla standards possibbli.

“Dan l-impenn għall-kwalità u l-konformità huwa l-pedament tal-ħidma tagħna,” tenniet tgħid il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.

Ekonomija

Sport