Thursday, December 26, 2024

Il-linja tal-ajru Alitalia se tagħlaq u tħassar it-titjiriet kollha wara l-15 ta’ Ottubru

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Alitalia ħassret it-titjiriet kollha li kienu skedati li jsiru wara l-15 ta’ Ottubru hekk kif din il-linja tal-ajru se tagħlaq għal dejjem.

L-Italja ilha titħabat biex issib investituri biex isalvaw il-linja tal-ajru falluta. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-pandemija tal-Covid-19 tant li l-Alitalia se tieqaf topera kompletament aktar tard din is-sena.

Fl-2019, qabel ma bdiet il-pandemija attwali, il-linja tal-ajru ġarret 21.3 miljun passiġġier lejn 81 destinazzjoni differenti bi 3,600 titjira kull ġimgħa. Sa ftit ilu kienet timpjega aktar minn 10,000 ħaddiem iżda mhux ċar x’se jiġri minnhom meta tagħlaq.

L-aħbar it-tajba hija li l-linja tal-ajru se tirċievi l-appoġġ tal-gvern u dan se tgħaddih lill-passiġġieri. Il-gvern Taljan ħoloq fond ta’ €100 miljun biex il-liinja tal-ajru tirritorna l-flus li nefqu l-klijenti tagħha.

Il-gazzetta Taljana Corriere Della Sera tistma li hemm madwar 250,000 persuna li kienu se jivvjaġġaw mal-Alitalia f’titjira li kienet skedata li topera wara l-15 ta’ Ottubru.

Il-kumpanija tgħid li dawn il-klijenti se jkollhom żewġ għażliet: jibdlu t-titjiriet tagħhom b’titjira ekwivalenti ta’ Alitalia qabel dik id-data, jew jirċievu rifużjoni sħiħa.

Ekonomija

Sport