Saturday, December 21, 2024

Il-livell ta’ konsum tal-poplu jinsab f’punt delikat 

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta għadna kif għalaqna sentejn ta’ pandemija, li fihom kien hemm żmien fejn il-konsum domestiku kien tbaxxa ħafna b’mod partikolari meta ingħlqu għadd ta’ negozji, it-tama kienet dik li l-livell ta’ konsum f’pajjiżna jiżdiedu għal livell ta’ qabel il-pandemija u anke aktar.  Dwar dan intefa’ dawl fi stħarriġ li sar mill-Uffiċċju ta’ Dr Joseph Muscat u Sagalytics, fejn irriżulta bl-aktar mod ċar li l-konsum tal-poplu Malti għadu ferm inqas mill-livelli ta’ qabel il-pandemija.

Mhux biss hu inqas mill-livelli ta’ qabel il-pandemija, imma llum il-konsum hu saħansitra inqas mix-xejriet li kien hemm f’Lulju li għadda. Mill-istudju joħroġ li l-livelli ta’ konsum  huma inqas f’kull kategorija.   L-istudju jikkonkludi li jista’ jkun hemm fatturi li jmorru lil hinn mill-Covid-19 għal dan it-tnaqqis fil-konsum fosthom il-kunflitt fl-Ukrajna. L-istudju jikkonkludi li t-tnaqqis fil-konsum hu l-effett għal tul ta’ żmien mill-pandemija.

Il-konsum tal-poplu

L-istħarriġ isemmi kif f’surveys li saru qabel kien irriżulta li dawk li wieġbu qalu li l-konsum tagħhom kien se jiżdied b’mod sinifikanti la darba jkunu tlaqqmu. Kien ingħad li l-aktar reviżjonijiet b’saħħithom f’dak li hu konsum kienu mistennija għas-servizzi tar-ristoranti u kafeteriji. Kien intqal ukoll li kien mistenni żieda fil-konsum f’dak li hu turiżmu intern u anke fis-settur tar-retail. Kien issemma li wara t-tilqim, l-infieq fuq ħwejjeġ u żraben kif ukoll infieq fuq lukandi u vaganzi f’farmhouses kellu jilħaq 85 jew 90 fil-mija  tal-livelli li kien hemm qabel seħħet il-pandemija. 

Minn dan l-aħħar stħarriġ imma jirriżulta li minkejja rata ta’ tilqim għolja, il-livell ta’ konsum fil-preżent huma ħafna inqas mil-livelli ta’ qabel daħlet il-pandemija. Mhux hekk biss, imma huma inqas ferm u ferm inqas minn kemm kienu ipproġettaw dawk li wieġbu l-istħarriġ li saru qabel.  

L-istħarriġ jgħid li r-riżultati juri xejra  lura   f’dawk li huma prospetti ekonomiċi u dawn jistgħu jiġu attribwiti għal kwistjonijiet mhux relatati mal-pandemija, fosthom il-gwerra fl-Ukrajna. 

L-istħarriġ qabbel it-tnaqqis fil-konsum li kienu rriżultaw fl-isħarriġ ta’ Luju tas-sena 2021 u dawk ta’ Marzu ta’ din is-sena max-xejriet tal-konsum qabel daħlet il-pandemija. L-istħarriġ juri l-attività ekonomika hi madwar 6 fil-mija inqas mil-livelli  li suppost intlaħqu li kieku kellu jkun hemm ritorn komplet għal livell ta’ attività ekonomika kif kienet qabel il-pandemija.

L-istħarriġ jgħid li l-konsum privat hu madwar 5 fil-mija inqas mil-livell ta’ qabel il-pandemija.  Dan juri li hemm żieda fil-livell ta’ inċertezza. L-istħarriġ jgħid li dawn ir-riżultati iridu jiġu interpretati billi wieħed iħares lejn żewġ fatturi importanti. Wieġed hu dak li lura f’Lulju li għadda, kien hemm aspetattiva għal tilqima b’żewġ dożi li kellha toffri immunità għal ammont ta’ żmien.  Il-fatt li bdiet tissemma il-booster u issa ir-raba’ doża, aktar li naqqsu mill-aspetattivi pożittivi li kellha l-popolazzjoni Maltija. Ma’ dan kien hemm iż-żieda fil-każi lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet u żieda fil-każi matul Marzu u Apri u dan  jista’ jkun li naqqas l-aspetattivi ekonomiċi pożittivi. Wieħed jista’ jargumenta li waqt li l-programm ta’ tilqim madwar id-dinja kien żvilupp kruċjali li wassal biex tnaqqsu ir-riskji marbutin ma’ infezzjonijiet tal-Covid19, sa issa imma dan ma kellux suċċess biex iżid il-kunfidenza tal-konsumaturi u għalhekk il-konsum għall-livelli ta’ qabel il-pandemija.

L-istħarriġ jikkonkludi li hemm sens ġenerali ta’ inċertezza fejn jidħol l-aspettattivi tal-popolazzjoni Maltija għar-ritorn lejn il-ħajja normali kif kienet qabel il-pandemija.  Waqt li hawn rata għoja ta’ tilqim, hemm xettiċiżmu għal tilqim perjodiku u x-xettiċiżmu jiżdied aktar jekk ikun hemm obbligu legali għat-tilqim. L-istudju jgħid li hemm tnaqqis fil-konsum u li dan it-tnaqqis mistenni jippersisti fis-setturi kollha imma l-aktar fis-settur tas-servizzi bħal vaganzi barra l-pajjiż, vaganzi f’farmhouses, vaganzi f’lukandi f’Malta u l-użu tat-trasport pubbliku.

L-istudju jgħid li dak li kien ħadem u kien suċċess matul il-pandemija, mhux neċessarjament ikun suċċess u jaħdem issa li wasalna f’punt li noħorġu mill-pandemija. L-istudji ta’ qabel urew li l-vawċers li ħareġ il-gvern kellhom suċċess biex żiedu l-konsum f’Malta għax b’mod temporanju żiedu il-likwidità tal-famiji u aktar importanti żiedu l-kunfidenza tal-konsumaturi fl-istabbilimenti li tant kienu intlaqtu bil-Covid19. Biss dawn il-miżuri, anke minn natura tagħhom kienu temporanji u kienu indirizzati biex jindirizzaw tnaqqis fil-konsum għal perjodu qasir ta’ żmien. It-tnaqqis fil-konsum previst għal tul ta’ żmien, kif qed juri dan l-istħarriġ,  juri li hemm kwistjonijiet li minn natura tagħhom huma għal tul ta’ żmien. Fost dawn hemm ix-xejra tan-nies li jfaddlu. Dan jista’ jkun li hu ġej mill-fatt li  kien hemm żieda fil-każi ta-Covid u dan  ħoloq inċertezza dwar l-effiċjenza tat-tilqim għal tul ta’ żmien, xi ħaġa li jista’ jkun li wasslet lill-konsumaturi biex jibdew iqisu li l-pandemija mhix xi ħaġa ta’ darba, imma xi ħaġa li se terġa’ sseħħ u li għahekk hemm bżonn li jilqgħu għaliha. Jista’ jkun li dan seħħ ukoll minħabba iż-żieda fl-inflazzjoni kawża tal-gwerra fl-Ukrajna.

L-istħarriġ jgħid li quddiem dan, il-Gvern għandu l-bżonn li jidentifika u jistudja aħjar alternattivi oħra minn dawk li joħolqu likwidità għal ftit żmien.  Jgħid li dan  jista’ jkun imfixkel minn deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu biex jiżdiedu ir-rati ta’ interessi internazzjonalment.

Ekonomija

Sport