Meta ntlagħab it-tieni programm tat-tmien ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni għall-fażi finali tal-Euro 2024, l-Awstrija saru t-tmien team li kkwalifika.
Iżda l-logħob tal-bieraħ ġie mtappan wara li żewġ partitarji Svediżi ġew maqtula fi Brussels minn membri tal-grupp ISIS.
Għaldaqstant il-partita bejn il-Belġju u l-Isvezja ġiet abbandunata fil-mistrieħ. Sa dak il-ħin, iż-żewġ timijiet kienu fi draw ta’ 1-1. Kien Viktor Gyokeres (15) li fetaħ l-iskor għall-Isvediżi iżda Romelu Lukaku (31 pen) kiseb id-draw għat-team ospitu.
Grupp B – L-Olanda dħalu biċ-ċans li jikkwalifikaw meta għelbu lill-Ġreċja 1-0 bil-goal importanti jasal minn penalty ta’ Virgil van Dijk (91 pen) … biex laħquhom it-tieni post.
Barra minn darhom, l-Irlanda għelbu lil Ġibiltá bl-iskor ta’ 4-0 li ma swiet għal xejn. L-iskorers kienu Evan Ferguson (8), Mikey Johnston (28), Matt Doherty (61) u Callum Robinson (80).
Grupp F – L-Awstrija ssiġillaw posthom fil-fażi finali wara li Marcel Sabitzer (48) skorja minn penalty fir-rebħa ta’ 1-0 barra minn darhom fuq l-Azerbaijan biex temmew it-tamiet tal-Isvezja wara li l-Belġju kienu l-ewwel team li kkwalifika minn dan il-grupp.
Anke jekk fil-ħin miżjud kellhom lil Guido Burgstaller imkeċċi għal żewġ karti sofor, xejn ma tappan jew tellef miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Awstrijaċi.
Grupp J – Il-Portugall irreġistraw l-akbar rebħa tal-ġurnata meta marru l-Bosnja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-0, bil-protagonisti jkunu Cristiano Ronaldo (5 pen, 20), Bruno Fernandes (25), Joao Cancelo (32) u Joao Felix (41).
L-Islanda laqgħu lil Liechtenstein u rebħulhom bl-iskor ta’ 4-0 biex dawn tal-aħħar għadhom mingħajr l-ebda punt minn tmien partiti.
Il-goals ġew skorjati minn Gylfi Sigurdsson (22 pen, 49), Alfred Finnbogason (44) u Hakon Arnar Haraldsson (63).