Ili snin twal insegwi l-ġrajjiet f’żona li ma tinsabx bogħod minn pajjiżna – l-hekk imsejjaħ Lvant Nofshani. Ma niftakarx li l-qagħda qatt kienet iddisprata u qalila daqskemm hi llum. La fi żmien il-Gwerra tas-Sitt Ijiem, la fl-1973, la matul l-intifadi.
Illum iż-żewġ naħat – l-Iżraeljani u l-Palestinjani – donnhom jinsabu maqbuda f’konflitt fejn naħa trid teqred lill-oħra.
Dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat daħħal velenu ġdid fir-relazzjonijiet ta’ bejn iż-żewġ popli li ma nafx kif jista’ jitnaddaf. L-agħar hu li fil-firxa tal-qtil u l-ġlied barbaru li seħħ fl-aħħar ġimgħat, se tqum fehma popolari fost iż-żewġ naħat li tibqa’ tinsisti biex in-naħa l-oħra tassew tinqered. Mhux aktar biss waqt li l-konflitt jinsab għaddej imma anke wara, “jirbaħ” min “jirbaħ”.
Dejjem kienu qarsa t-taqtigħat tal-Lvant Nofshani. Qatt daqs illum.
FIL-MILIED
Il-belt sabiħa ta’ Strasburgu tiftaħar li hi kapitali f’bosta oqsma – tal-Ewropa, tal-Milied…
Problema hi li l-mezzi li bihom wieħed jista’ jasal b’mod konfortabbli fil-belt baqgħu primittivi. Naf għax ili s-snin kważi kull xahar inżurha. Minkejja kollox, l-awtoritajiet ta’ Strasburgu jibqgħu jinsistu li belthom hi l-kapitali tal-Ewropa f’dik u f’dan.
Fejn l-aktar għandhom raġun hu dwar il-Milied. Is-swieq li jtellgħu f’dan iż-żmien huma folti, mifruxa mal-belt, varjati għall-aħħar u jattiraw il-folol.
Xorta Strasburgu ma tridx tħossha xxamplata f’dil-ħaġa. Apparti inħawi oħra fir-reġjun tal-Alsace: bliet oħra Ewropej qed jiżviluppaw u jkabbru ċ-ċelebrazzjonijiet tagħhom tal-Milied. Tilħaqhom aktar faċilment. Fosthom Brussell.
TMIEM IL-MANDAT
Ix-xhur li baqa’ għal tmiem il-mandat preżenti tal-Parlament Ewropew – sitta – jidhru biżżejjed biex jintemmu liġijiet Ewropej li jinsabu avvanzati fil-proċess leġislattiv. Biss fil-prattika dawk is-sitt xhur jissarrfu f’anqas ġimgħat ta’ xogħol milli jidher, billi fin-nofs hemm il-waqfa tal-Milied u matulhom numru ta’ deputati jkunu mehdija bil-kampanji elettorali tagħhom.
Terġa’, biex il-proċess leġislattiv jasal sa tmiemu irid jgħaddi mill-fażi ta’ negozjati mal-Kunsill tal-Ministri. Sal-aħħar tas-sena, l-Presidenza tiegħu tinsab għand l-Ispanjoli. Wara tmur għand il-Belġjani. L-esiġenzi politiċi interni fil-pajjiż li jkollu l-presidenza kif ukoll il-ħtieġa li fuq ċerti punti l-pajjiżi membri jinżammu informati u jaqblu mal-kompromessi li jitfasslu mal-Parlament, x’aktarx itawlu dil-fażi ta’ negozjar.
Jiġifieri mhijiex ħaġa żgura li daqstant liġijiet jilħqu jgħaddu qabel tmiem il-mandat. Numru ta’ proposti waqgħu lura l-aktar minħabba l-mod kif il-pandemija tal-Covid ħarbtet uħud mill-ħidmiet ta’ konsultazzjoni li l-Kummissjoni Ewropea kellha tagħmel qabel toħroġ (kif inhu r-rwol tagħha) bl-abozzi ta’ liġi.
Iċ-ċansijiet mhumiex żgħar li l-Parlament il-ġdid jiret numru ta’ abbozzi li jkunu għadha nofshom imsajra.