Thursday, April 18, 2024

Il-maġġoranza tal-ħaddiema jaqilgħu aktar minn €20,000

Il-GWU tisħaq li sħubija ma’ unjin tfisser pagi u kundizzjonijiet aħjar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-paga tal-ħaddiem hija importanti għall-għajxien tiegħu u tal-familja li jkollu. Din tiddetermina l-livell ta’ għixien skont kemm hija għolja. Bi prezzijiet dejjem jogħlew konsegwenza ta’ diversi fatturi bl-aktar waħda ovvja u riċenti tkun il-gwerra fl-Ukrajna, biex wieħed jifhem jekk din il-paga hiex isservi għall-bżonnijiet ta’ dawn il-familji, irid jara x’inhuma l-pagi lokali u janalizza s-sitwazzjoni. 

Fir-rigward, irriżulta li fl-2021, 29,036 ħaddiema Maltin (17%) qalgħu inqas minn €10,000 paga, li kienet ftit aktar mill-paga minima nazzjonali ta’ dak iż-żmien. Mentri, dawk li qalgħu sa €15,000, kienu ftit aktar minn 50,000 ħaddiema. Dan ifisser kważi 30 fil-mija mit-total tal-ħaddiema Maltin li fis-sena msemmija kienu total ta’ 174,238. Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU), Josef Bugeja, filwaqt li qal li wieħed irid jara liema huma s-setturi li qegħdin joffru impjiegi b’paga baxxa, fakkar fl-importanza ta’ sħubija f’unjin. Dan għax unjin hija “dar naturali” tal-ħaddiema fejn jafu li bi sħubija tfisser paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

Ftit aktar mill-paga minima nazzjonali…

L-istatistika dwar is-salarji tal-impjegati Maltin fl-2021 ingħatat mill-Ministru tal-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana wara mistoqsija li saret fil-Parlament mill-Membru Parlamentari tal-Oppożizzjoni, Ivan Castillo. Dan speċifikament talab tagħrif dwar in-numru ta’ impjegati Maltin li jaqilgħu bejn: €0-€10,000; €10,000-€15,000; €15,000-€20,000; €20,000-€25,000; €25,000-€30,000; €30,000-€35,000; €35,000-€45,000; €45,000-€60,000; €60,000-€90,000 u aktar minn €90,000. 

Mhux l-ewwel darba li smajna li hemm kompetizzjoni mill-barranin għax dawn jaħdmu b’pagi baxxi. Iżda ma nistgħux ngħaġġlu u nikkonkludu li l-Maltin jew huma mħallsin aħjar jew inkella ma jidħlux għal impjiegi fl-istess livell ta’ paga tal-barranin. 

Dan huwa rifless ċar fl-2021, fejn il-faxxa ta’ pagi li l-aktar fiha ħaddiema Maltin kienet dik li fiha jaqilgħu bejn €0-€10,000 b’total ta’ 29,036 impjegati. Naraw kif din il-faxxa ta’ impjegati kellhom salarju ta’ ftit aktar mill-paga minima nazzjonali tas-sena msemmija, liema minimu nazzjonali huwa fost l-aktar baxxi mill-pajjiżi membri tal-UE. Hawn qegħdin nitkellmu f’sena u huwa ta’ kuntrast enormi – disa’ darbiet iżjed – għal 2,852 ħaddiema Maltin li fl-istess sena kellhom paga ta’ aktar minn €90,000 fis-sena.

It-tieni  l-aktar faxxa ta’ dħul minn impjieg fis-sena 2021 kienu 26,452 ħaddiema bi €15,001-€20,000. Din, ukoll, hija relattivament baxxa meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra fil-blokk Ewropew. Fit-tielet post imbagħad hemm 23,480 ħaddiema Maltin li fis-sena msemmija qalgħu bejn l-€20,000 u l-€25,000. 

L-inqas ammont ta’ impjegati b’paga għolja kif għidna kienu dawk b’aktar minn €90,000 imma mill-informazzjoni mogħtija rriżulta li f’dawk li wieħed jikkonsidra dħul minn impjieg tajjeb għal tajjeb ħafna – jiġifieri minn €35,000 sa €90,000 fis-sena, fl-2021 kien hemm total ta’ 35,367 impjegati li gawdew minn tali dħul. Dawn kienu 18,252 impjegati bi dħul ta’ bejn il-€35,000 u l-€45,000; 11,124 li kellhom paga bejn il-€45,000 u s-€60,000; mentri 5,991 impjegati oħra qalgħu bejn is-€60,000 u d-€90,000. 

Fil-kategoriji l-oħra barra dawk li diġà semmejna, naraw li 20,445 impjegati Maltin fl-2021 kellhom bejn il-€25,000 u t-€30,000 bħala dħul; 15,012 oħra bejn €30,000 u l-€35,000; mentri 18,252 oħra qalgħu bejn €35,000 u €45,000 paga.

Ekonomija

Sport