Tuesday, April 30, 2024

“Jibqa’ illegali li home growers jippruvaw iqassmu jew ibigħu lil terzi”  

Permezz tal-liċenzjar tal-NPOs l-Awtorità qiegħda titbiegħed mill-kummerċjaliżmu tas-settur

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Sodisfatt ħafna li l-Awtorità mxiet pass importanti ieħor biex tieħu minn idejn is-suq illegali u tibda tkun hi li tirregola suq sigur bi prodott li hu ttestjat”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis Leonid Mckay wara li t-Tlieta fetħu l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt (NPOs) sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-kannabis mhux mediċinali għall-użu responsabbli.

Mckay sostna li l-idea hija li l-Awtorità tkun viġilanti ħafna u żżomm ’il bogħod kemm jista’ jkun mill-kummerċjaliżmu tas-settur. Saħaq li x-xogħol li issa ilu għaddej diversi xhur sar ukoll minn fuq analiżi li saret fuq l-iżbalji tal-passat fosthom fl-industriji tat-tabakk u l-alkaħol. Spjega li meta tikkummerċjalizza tkun qiegħed tinsa l-prinċipju ta’ harm reduction u tħares biss lejn l-interessi tan-negozju. Xi ħaġa li l-Awtorità mmexxija minnu qiegħda titbiegħed minnha.

Mckay qal li l-għan ewlieni huwa li dawn l-organizzazzjonijiet bdew proċess biex jingħataw liċenzja li tippermettilhom li jikkultivaw, jipproċessaw u jiddistribwixxu prodott tal-kannabis wara li jkun ittestjat f’laboratorji terzi. Huwa qal li s-sodisfazzjon huwa doppju minħabba li dak li kien imwiegħed fil-konvenzjoni ftit tal-ġimgħat ilu twettaq u anke minħabba li d-diskussjoni kompliet b’mod individwali ma’ assoċċazzjonijiet prospettivi anke wara l-konvenzjoni.

Mckay qal li l-Awtorità qiegħda żżomm djalogu miftuħ u tbiddel fejn hu meħtieġ. Fost l-oħrajn il-liċenzji għal NPOs żgħar ta’ 50 membru jew inqas tniżżlu minn €8,000 propost f’Jannar għal €1,000. Dan sabiex tkun tista’ tilħaq il-mira li tħares il-prinċipji u l-spirtu tal-liġi u r-riforma fil-kannabis.  

“Aħna ma rridux nippromwovu l-użu tal-kannabis imma qegħdin nirrikonoxxu li għandek faxxa ta’ adulti li qegħdin jikkonsmaw u aħna qegħdin nipprovdulhom dan ir-mudell regolatorju”, kompla Mckay.

Rigward l-applikazzjonijiet fuq il-websajt tal-Awtorità aruc.mt, fetħu l-applikazzjonijiet biex NPOs prospettivi jirreġistraw bħala assoċjazzjoni u jkollhom personalità legali u wara jingħataw ukoll liċenzja biex ikunu jistgħu joperaw u jieħdu ħsieb il-process sħiħ miż-żerriegħa sal-prodott ippakkeġjat skont ir-rekwiżiti. 

Mckay saħaq li din hija kannabis għall-użu mhux mediċinali u li għalhekk il-qafas regolatorju huwa differenti minn dak mediċinali li fost affarijiet jinkludi preskrizzjonijiet tat-tabib. Dan il-qafas jinkludi prinċipji fejn ma jsirx reklamar, li NPOs ma jattirawx żgħażagħ taħt it-18 ‘il sena u filwaqt li kkonferma li m’hemmx skop li minn din ir-riforma tinħoloq xi niċċa ekonomika ġdida saħaq dwar l-iskop aħħari. “L-iskop huwa li jkollna qafas regolatorju li jippromwovi ġustizzja soċjali u d-drittijiet ta’ persuni mingħajr ma jikkriminalizzahom. Minbarra dan jitkellem ukoll dwar is-saħħa pubblika”, spjegalna Mckay.

Rigward dawk li jkabbru l-pjanti fi djarhom, Mckay qalilna li home growers huma intitolati li jkabbru sa erba’ pjanti għall-użu personali. Filwaqt li qalilna li jista’ jkollok home grower li għandu NPO għax waħda ma teskludix lill-oħra.

Mistoqsi dwar persuni li jipproduċu iżjed minn kemm kapaċi jikkonsmaw, Mckay kien ċar u saħaq li home grower ma jista’ qatt jaqbad u jmur ibigħ lill-NPO. Huwa tenna jgħid li jibqa’ illegali li persuna tkabbar kannabis li mhix għall-użu personali tagħha. Irrelevanti jekk hux b’donazzjoni jew bejgħ, jibqa’ illegali li persuna tneħħi mill-pjanti li tipproduċi mhux għall-użu personali tagħha.

Sport