Sunday, November 24, 2024

Il-maġġoranza tal-MPs jitfgħu l-vot tagħhom vojt fl-elezzjoni għal President tal-Italja

Aqra wkoll

Il-membri tal-Parlament Taljan u l-elettorat reġjonali fil-biċċa l-kbira minnhom tefgħu l-vot tagħhom vojt fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni għall-President tal-pajjiż. Dan wassal għal aktar staġnar politiku fil-pajjiż hekk kif l-elezzjoni se ssir hekk kif wasal fi tmiemu l-mandat ta’ seba’ snin tal-President attwali Sergio Mattarella.

Ftit sigħat wara li bdiet l-ewwel sessjoni tal-votazzjoni nhar it-Tnejn, il-leġiżlaturi kienu tefgħu 672 vot mingħajr ma ndikaw isem. Skont il-Kostituzzjoni tal-Italja, persuna trid iġġib maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jiġi eletta president tal-pajjiż matul l-ewwel tliet rawnds.

Il-President Sergio Mattarella, li ripetutament qal li ma riedx jerġa’ jmexxi, kien fost dawk li kellhom appoġġ b’madwar 16-il vot.

Il-partiti politiċi tħabtu biex jaqblu dwar kandidati iżda l-ebda wieħed miż-żewġ blokok ewlenin ma għandhom voti biżżejjed lanqas għal maġġoranza sempliċi.

Il-partiti kellhom ukoll laqgħat interni matul tmiem il-ġimgħa iżda kienu qed iżommu l-ismijiet tal-kandidati sigrieti għall-elezzjoni tat-13-il president tal-Italja li se twassal ukoll għall-elezzjonijiet politiċi li jmiss billi l-mandat leġiżlattiv attwali jiskadi fl-2023, fost tqanqil politiku dwar liġijiet elettorali ġodda.

Il-presidenza tal-pajjiż hija kariga fil-biċċa l-kbira ċerimonjali u li għadha meħtieġa politikament biex tmexxi lill-Italja f’każ ta’ kriżijiet politiċi li fl-Italja huma frekwenti.

Il-President jista’ wkoll jibgħat liġijiet lura lill-Parlament u jxolju l-leġiżlatura qabel il-mandat tagħha f’każ li tintilef il-maġġoranza parlamentari.

L-eks Prim Ministru Silvio Berlusconi rtira l-kandidatura kontroversjali tiegħu għal din il-kariga nhar is-Sibt li għadda. L-uffiċċju tiegħu ħabbar nhar il-Ħadd li għadda li Berlusconi, li għandu 85 sena, kien iddaħħal biex isirulu testijiet mediċi fi sptar f’Milan. 

Il-Prim Ministru attwali tal-Italja, Mario Draghi, huwa meqjus b’mod wiesa’ bħala għażla popolari għar-rwol ta’ president, iżda hemm tħassib li l-bidla minn prim ministru għall-president tista’ twassal għal elezzjoni bikrija..

Eks-bankier ċentrali u ex-kap tal-Bank Ċentrali Ewropew, Draghi għen lill-Italja tikseb biljuni ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea biex terġa’ tirkupra l-ekonomija tagħha.

Draghi qal li r-rwol tiegħu huwa fil-biċċa l-kbira komplut, iżda xi wħud iriduh jibqa’ jserraħ ras l-Unjoni Ewropea li l-fondi se jintefqu kif suppost.

Sport