Friday, May 3, 2024

Il-maġġoranza tas-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel kontra depożitu mal-bookings

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) riċentement wettqet l-ewwel stħarriġ online tagħha wara l-Pandemija tal-COVID-19 fost il-membri tagħha sabiex tikseb stampa ċara dwar is-sitwazzjoni tal-industrija bejn Jannar u Mejju 2022.

L-istħarriġ jenfasizza l-fatt li kważi 76 fil-mija ta’ dawk li wieġbu rrimarkaw li t-tħassib ewlieni tagħhom huwa ż-żieda fil-prezzijiet tal-prodotti li qed ixekkel serjament is-sostenibbiltà tal-industrija.

Meta tqabbel dan il-perjodu mal-istess perjodu ta’ qabel il-pandemija tal-COVID-19, 71 fil-mija ta’ dawk li wieġbu għall-istħarriġ irrappurtaw li l-bejgħ tagħhom kien bejn wieħed u ieħor l-istess, jew agħar meta mqabbel mal-2019. Madankollu meta qabblu l-istess perjodu mal-ewwel sena tal-pandemija COVID-19 (l-2020), kważi 65 fil-mija kkonfermaw li l-bejgħ tagħhom kien aħjar. Barra minn hekk, 73 fil-mija ta’ dawk li wieġbu nnutaw li tali titjib kien innutat ukoll meta tqabbel il-bejgħ fit-tieni sena tal-pandemija tal-COVID-19 (l-2021).

Meta mistoqsija x’inhu t-tħassib ewlieni tagħhom, 76 fil-mija ta’ dawk li wieġbu nnutaw li l-qligħ kien kwistjoni ewlenija segwita mill-isfida li kontinwament jiffaċċjaw biex iżommu jew isibu r-riżorsi umani. Barra minn hekk, 41 fil-mija ta’ dawk li wieġbu enfasizzaw il-fatt li l-banek u ostakli burokratiċi oħra huma wkoll kwistjonijiet ta’ tħassib.

Huwa interessanti li wieħed jinnota li meta dawk li wieġbu ġew mistoqsija jekk jirrakkomandawx li s-settur tar-ristoranti lokali għandux jitlob depożiti fuq il-bookings biex jiġġieldu l-problema tan-no shows, 60 fil-mija kienu kontra tali miżura.

Meta jiġi vvalutat l-istħarriġ b’mod olistiku, huwa evidenti li s-sostenibbiltà hija l-kwistjoni ewlenija ta’ tħassib u dan huwa attribwit prinċipalment għall-impatt tal-Pandemija tal-COVID-19 flimkien maż-żieda f’daqqa fl-indiċi tal-prezzijiet tax-xiri tal-istokk kif ukoll il-problema rikorrenti tar-riżorsa umana. 

Dan l-istħarriġ jenfasizza l-ħtieġa għal kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gvern u l-imsieħba ewlenin fl-industrija. Azzjoni bħal din hija meħtieġa mhux biss fit-tul iżda fuq kollox fl-immedjat sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-industrija tal-catering.

Sport