Iż-żagħżugħ li lbieraħ tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku fil-Marsa huwa Jesús David Reina Quero ta’ 24 sena mill-Veneżwela.
Ma’ Times Of Malta, l-għarusa tiegħu, Maria Giraud, qalet li meta lbieraħ ma semgħetx mingħandu qalbha ħebritha li ġara xi ħaġa. Hija tkellmet dwar il-mument li hi u tqalleb fir-ritratti tal-inċident għarfet iż-żarbun li kellu s-sieħeb tagħha.
Hija qalet li Jesús David Reina Quero kien jaħdem bħala chef u kien qabad tal-linja sabiex jieħu s-skieken ħalli jsinnhom. Qalet li l-aħħar li kellmitu kien bil-WhatsApp għall-ħabta tas-1.30 p.m iżda wara ma weġibhiex iżjed. Qalet li ċemplet lill-kollegi tiegħu li suppost kellu jiltaqa’ magħhhom u li dawn qalulha li hu kien baqa’ ma tfattxax.
L-inċident fatali seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-2.30 p.m fi Triq Diċembru Tlettax, meta l-vittma ttajjar minn karozza tal-għamla Mercedes Benz C250 misjuqa minn raġel ta’ 66 sena mill-Fgura.
Is-sieħba tal-vittma qalet li huma kienu ilhom flimkien erba’ snin u li ltaqgħu fil-Veneżwela. Huwa ġie Malta tliet snin ilu u hi ġiet ħdejh 10 xhur ilu.