Saturday, July 20, 2024

Il-Malta Bankers’ Association teleġġi lil Kenneth Farrugia bħala ċ-Chair ġdid tagħha

Aqra wkoll

Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv ta’ Bank of Valletta p.l.c., ġie elett Chair tal-Malta Bankers’ Association (MBA) għas-sentejn li ġejjin. Il-ħatra tiegħu tħabbret wara l-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assoċjazzjoni li saret fid-19 ta’ Ġunju 2024. Henry Schmeltzer, Direttur ta’ MeDirect Bank (Malta) p.l.c., ġie elett mill-ġdid Deputat Chair għall-istess perjodu.

Is-Sur Farrugia rringrazzja lill-membri tal-Assoċjazzjoni għall-appoġġ u l-fiduċja tagħhom, u wiegħed li jkompli jidderieġi l-Assoċjazzjoni f’dawn iż-żminijiet dejjem aktar ta’ bidla u ta’ sfida. Huwa faħħar liċ-Chair u Deputat Chair, Marcel Cassar u Henry Schmeltzer rispettivament, għall-appoġġ u l-amministrazzjoni tagħhom tal-MBA matul is-snin li għaddew. Is-Sur Farrugia qal li dawn taw kontribuzzjoni siewja  biex iżidu l-preżenza u s-sensibilizzazzjoni tal-Assoċjazzjoni mal-istakeholders tagħha. Is-Sur Farrugia kkummenta wkoll li jinsab ferħan ħafna li jkompli jaħdem ma’ Henry Schmeltzer, fit-tkomplija tar-rwol tiegħu ta’ Deputat Chair tal-MBA.

Kenneth Farrugia huwa membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank of Valletta Group, Chairman tal-Kumitat Eżekuttiv u membru ta’ diversi kumitati tat-tmexxija fi ħdan l-istess organizzazzjoni. Is-Sur Farrugia huwa wkoll direttur fil-Bord ta’ BOV Fund Services Limited, BOV Asset Management Limited u MAPFRE MSV Life plc.

Huwa beda l-karriera tiegħu fil-Bank of Valletta fl-1985 u okkupa diversi karigi eżekuttivi li jkopru l-oqsma tal-immaniġġjar tal-assi tal-bank, tar-retail banking u tal-faċilitajiet tal-kreditu. Matul il-karriera tiegħu, huwa okkupa wkoll diversi karigi fl-industrija tas-servizzi finanzjarji, fosthom bħala Chair tal-Malta Asset Servicing Association, Membru tal-Bord tal-European Fund and Asset Management Association, Chairperson ta’ FinanceMalta, kif ukoll Chair tal-Malita Investments plc, li hi kkwotata fil-Borża ta’ Malta. 

Kenneth Farrugia huwa alumnus tal-Harvard Business School wara li segwa l-General Management Program.

Fil-kapaċità tiegħu bħala Chair tal-MBA, Kenneth Farrugia se jirrappreżenta wkoll lill-Assoċjazzjoni fuq il-Bord tal-Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF), li tagħha l-MBA hija membru sħiħ. L-EBF tgħaqqad 32 assoċjazzjoni bankarja nazzjonali fl-Ewropa li jirrappreżentaw madwar 3,500 bank li jimpjegaw madwar 2.7 miljun ruħ, u jestendu ‘l fuq minn €23 triljun f’self lill-ekonomija Ewropea. L-EBF hija mpenjata b’mod attiv fil-promozzjoni u l-appoġġ ta’ policies li jrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.

Henry Schmeltzer waqqaf il-European ABS u Illiquid Credit fi ħdan il-UBS. Qabel ma ngħaqad mal-UBS, huwa mexxa n-negozju tal-istrutturar u l-oriġini tal-kreditu fi Swiss Re London, Merrill Lynch London u Lehman Brothers.

Qabel ma sar bankier, is-Sur Schmeltzer ħadem ta’ avukat fi New York fejn spiċċa jservi bħala partner fid-ditta legali Brown & Wood. Huwa għandu MBA (Finance) min-New York University, JD mill-University of Chicago u AB (magna cum laude) mill-Woodrow Wilson School ta’ Princeton University. Huwa ngħata n-nomina ta’ Chartered Financial Analyst u huwa membru tal-avukatura tal-Istat ta’ New York.

Ekonomija

Sport