Saturday, July 20, 2024

L-użu tal-fjuwils fossili jilħaq rekord globali minkejja t-tkabbir tal-enerġija nadifa

Aqra wkoll

Il-konsum dinji ta’ fjuwils fossili tela’ għal rekord għoli s-sena l-oħra u dan wassal biex l-emissjonijiet telgħu għal aktar minn 40 gigatunnellata ta’ CO2 għall-ewwel darba. Dan ħareġ minn rapport globali tal-enerġija.

Huwa mifhum li minkejja żieda rekord fl-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-2023, il-konsum tal-fjuwils fossili kompla jiżdied ukoll. Min-naħa tagħha, Juliet Davenport, il-president tal-Istitut tal-Enerġija qalet li r-rapport żvela li s-sena l-oħra kien hemm konsum għoli rekord ta’ fjuwils fossili, li żdied b’1.5%.

L-Istitut tal-Enerġija u l-korp professjonali globali għas-settur tal-enerġija, sab li filwaqt li l-emissjonijiet tal-industrija tal-enerġija setgħu laħqu l-ogħla livell f’ekonomiji avvanzati, l-ekonomiji li qed jiżviluppaw qed ikomplu jżidu d-dipendenza tagħhom fuq il-faħam, il-gass u ż-żejt.

Mir-rapport, ħareġ ukoll li b’mod ġenerali, il-fjuwils fossili kienu jammontaw għal 81.5% tal-enerġija primarja tad-dinja s-sena li għaddiet, tnaqqis biss b’mod marġinali minn 82% is-sena ta’ qabel.

Iċ-ċifri urew ukoll li l-enerġija mir-riħ u mix-xemx telgħet bi 13% is-sena li għaddiet. Peró dan ma kienx biżżejjed biex jaqbel mal-konsum, li iktar ma’ jgħaddi żmien, iktar qed jikber.

Fl-Ewropa, il-fjuwils fossili niżlu għal taħt is-70% tal-użu tal-enerġija primarja għall-ewwel darba mir-Rivoluzzjoni Industrijali, immexxija minn tnaqqis fid-domanda u t-tkabbir tal-enerġija rinnovabbli.

Id-domanda tal-Ewropa għall-gass b’mod partikolari kompliet tonqos mill-invażjoni sħiħa tar-Russja tal-Ukrajna fl-2022. Id-domanda ġenerali tal-gass naqset b’7% fl-2023.

Ekonomija

Sport