Saturday, November 9, 2024

Il-Malta FA sfurzata tikkanċella l-partita ta’ ħbiberija internazzjonali kontra t-Turkmenistan

Aqra wkoll

Il-Malta FA ġiet sfurzata tikkanċella l-partita ta’ ħbiberija internazzjonali skedata għall-Ħamis 10 ta’ Ottubru, 2024 minħabba diffikultajiet li ffaċċjat l-FA tat-Turkmenistan biex tikseb l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa mill-awtoritajiet ta’ pajjiżhom biex jivvjaġġaw lejn Malta. Il-partita internazzjonali kienet ġiet approvata mill-FIFA, il-UEFA u l-Konfederazzjoni tal-Futbol Asjatiku, li kollha ppruvaw jintervjenu biex isolvu din is-sitwazzjoni.

Il-Malta FA xtaqet tirringrazzja lill-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin għall-assistenza attiva tiegħu permezz ta’ mezzi diplomatiċi matul il-proċess.

It-Tim Nazzjonali aġġusta l-programm tiegħu tal-jiem li ġejjin sabiex jipprepara bl-aħjar mod possibbli fid-dawl tal-partita kruċjali tal-UEFA Nations League nhar il-Ħadd kontra l-Moldova.

Intant, l-ispettaturi li kienu diġà xtraw il-biljetti tagħhom għall-partita ta’ nhar il-Ħamis jistgħu jagħżlu li jew jiġu rimborsati jew li jibdlu l-biljett ma’ ieħor għall-partita kontra l-Moldova tal-Ħadd. Kwalunkwe mistoqsija għandha tiġi indirizzata lil [email protected].

Peress li l-UEFA Nations League D hija komposta minn żewġ gruppi ta’ tlieta, fil-partita l-oħra disponibbli tagħha Malta kellha tilgħab kontra tim nazzjonali mhux Ewropew li ma kienx impenjat f’partiti kompetittivi.

L-Assoċjazzjoni tistieden lill-pubbliku ġenerali biex jingħaqad wara t-tim għall-konfront kontra l-Moldova nhar il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru fis-6.00pm f’Ta’ Qali.

Sport