Saturday, December 14, 2024

Il-Malta Film Awards

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għada se ssir l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards.  In-nuqqas li jingħataw dawn l-unuri kien ilu jinħass.  Il-Malta Film Awards qed isiru fuq inizjattiva tal-Kummissjoni Maltija għall-Films.  Wieħed irid jirrikonoxxi li l-moħħ u l-enerġija wara dan kollu hu l-Kummissarju Johann Grech.

L-industrija tal-produzzjonijiet lokali llum kibret għax primarjament għandek tliet stazzjonijiet kbar tat-televiżjoni li jridu is-sensiliet.  Kibret il-kwantità; ma kibritx bl-istess mod il-kwalità.

Qed naraw aktar films fit-teatri lokali u issa anke fuq platforms diġitali.  Il-Gvern qed jinvesti aktar f’dan il-qasam u l-għajnuna lil min jixtieq jipproduċi film kibret permezz ta’ divrsi fondi.  Interessanti wieħed jinnota li qed jiżdiedu l-inizjattivi privati.  Għandna wkoll min qed jipponta jimmira għall-unuri kbar bħall-Oscars.  Ironikalment, għall-Oscars nittantaw xortina minkejja li għadna ’l bogħod biex nilħqu dak il-livell, imma imbagħad bqajna pass lura għal Malta Film Awards. 

Hemm bżonn nappoġġjaw din l-inizjattiva tal-Malta Film Awards u kien żball min seta’ fittex li ma jkunx parti minn din iċ-ċelebrazzjoni.  Fil-ħajja, kollox jista’ jsir aħjar.  L-affarijiet jitjiebu wara diskussjoni miftuħa u sinċiera filwaqt li l-aġenda personali ma titħallix tagħmina.

Il-Malta Film Awards għandhom ikomplu jsiru fis-snin li ġejjin.  Wieħed għandu jirrifletti għandhomx ikunu annwali jew kull sentejn jew tlieta.  Nissuġerixxi li għall-Awards ma jsirux billi l-producer japplika imma għandu jkun hemm Bord tekniku li jinnomina l-films u s-sensiliet televiżivi minn fost dawk kollha disponibbli.  Għandha ssir riflessjoni jekk min jaħdem fil-qasam tat-televiżjoni (atturi, kru, eċċ.) għandux jikkompeti ma’ dawk fil-qasam tal-films.  Ma naħsibx li għandna niffissaw u  ninnominaw bilfors ħamsa f’kull kategorija.  

L-awguri tiegħi u ta ħafna hu li l-Malta Film Awards ikunu suċċess kbir u kull min hu nnominat iħossu kburi li kiseb dan l-għarfien.  Sadanittant, matul din il-ġimgħa għaddejjin ħafna inizjattivi u diskussjonijiet dwar il-futur tal-industrija lokali tal-films u t-televiżjoni.  Kull min hu nteressat għandu jieħu sehem b’mod attiv għall-ġid ta’ din l-industrija li qegħda tikber.

Dawn huma n-nominazzjonijiet fil-kategoriji ewlenin tal-films:

Għall-Aħjar Film: The Boat; Ħabbilni Ħa Nirbaħ; Blood on the Crown; Id-Destin; Hemm Dar il-Qala.

Għall-Aħjar Direttur: Winston Azzopardi (The Boat); Jonathan Farrugia (Pass Pass Għal Auschwitz); Davide Ferrario (Blood on the Crown); Justin Farrugia u Steven Dalli (Strada Stretta); Steven Dalli u Justin Farrugia (L-Għarusa). 

Għall-Aħjar Attur: Mark Doneo (Hemm Dar il-Qala); Malcolm McDowell (Blood on the Crown); Godwin Scerri (Blood on the Crown); Mario Micallef (L-Ispettur); Harvey Keitel (Blood on the Crown).

Għall-Aħjar Attur f’Parti Sekondarja: Sinclair Mifsud (L-Għarusa); Leeshon Alexander (Blood on the Crown); Carlos Farrugia (Ħabbilni Ħa Nirbaħ); Narcy Calamatta (Ħabbilni ħa Nirbaħ); Ian Virgo (Blood on the Crown). 

Għall-Aħjar Attriċi: Paula Mintoff (L-Għarusa); Mary Rose Mallia (Il-Mandraġġara); Clare Agius (Il-Madonna taċ-Ċoqqa); Mary Rose Mallia (Il-Madonna tac-Ċoqqa); Louise Doneo (Hemm Dar il-Qala).

Għall-Aħjar Attriċi f’Parti Sekondarja: Sarah Camilleri (L-Ispettur); Mary Rose Mallia (Qerq); Antonella Axisa (L-Għarusa); Nicola Mangion (Blood on the Crown); Jane Marshall (Ipokriti).

Għall-Aħjar Film mill-Passat: Operation White Dove; Qerq; Scrooge; Anġli – The Movie; Mera tal-Passat.

Ekonomija

Sport