Monday, June 22, 2026

Il-Malta Film Commission Tniedi Fond ta’ €2 Miljun għat-Titjib tal-Ħiliet u l-Ewwel Qafas ta’ Standards għall-Crew 

Aqra wkoll

Bħala parti mill-Mediterrane Film Festival il-Malta Film Commission nediet l-ewwel Screen Industry Standards Framework u fond ta’ boroż ta’ studju għat-titjib tal-ħiliet tal-crew. 

Il-Malta Film Commission ħabbret inizjattivi importanti biex tippromwovi, tiffaċilita u tinċentiva t-titjib fil-ħiliet tal-ħaddiema fl-industrija tal-films. Fost l-oħrajn dan l-għan għandu jintlaħaq bil-pubblikazzjoni tal-ewwel Screen Industry Standards Frameworks u l-użu ta’ fond ta’ boroż ta’  studju tal-valur ta’ żewg miljun ewro.
 

Id-dettalji ta’ dawn l-inizjattivi u passi sinjifikanti oħra ingħataw waqt il-konferenza tal-Mediterranean Film Festival bit-tema ‘Taking the Film Industry to the Next Level: Upskilling the Film Workforce in Malta.’ 

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali, Malcolm Paul Agius Galea, tkellem dwar ir-rabta personali tiegħu mal-industrija tal-films, u fakkar fl-esperjenza tiegħu bħala tabib li ħadem bħala set medic fuq Gladiator II.

Il-Ministru qal li l-industrija tal-films għandha potenzjal enormi.

 “Irridu li l-ekwipaġġ tagħna jkollu kull opportunità mhux biss biex jaħdem iżda biex jikber, biex jgħolli l-livell tiegħu, biex jiżviluppa s-sengħa tiegħu, u biex jiġi kkumpensat b’mod xieraq. It-titjib tal-ħiliet mhuwiex sempliċiment vantaġġ professjonali; huwa sinjal ta’ rispett għan-nies li jiddedikaw il-karrieri tagħhom għal din l-industrija. Meta ninvestu fil-ħiliet, ninvestu fid-dinjità, fl-ambizzjoni, u fil-benesseri tal-crew tagħna.” 

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech spjega li “meta se nieħdu l-industrija tal-films għal livelli ogħla se nkunu qed niggarantixxu opportunitajiet sostenibbli fuq terminu twil għal dawk li diġà jaħdmu fl-industrija, u niftħu l-bibien għall-ġenerazzjoni ġdida biex tibni karriera fl-industrija tal-films f’Malta.” 

L-istrateġija tal-kummissjoni biex ittejjeb il-ħiliet tal-crew fis-settur hija bbażata fuq erba’  pilastri, inkluż ir-riċerka dwar il-ħiliet attwali, qafas ġdid ta’ standards għall-industrija, l-introduzzjoni tal-laboratorji Opportunity For All, u l-fond tal-boroż ta’  studju.

F’diskors waqt il-konferenza Dr Frank Fabri spjega fid-dettall kif dawn l-erba’  pilastri jikkostitwixxu l-ekosistema tat-titjib tal-ħiliet f’ Malta. L-iScreen Industry Standards Framework jipprovdi, għall-ewwel darba, qafas strutturat li jiddefinixxi l-għarfien, il-ħiliet, ir-responsabbiltajiet, u t-triq għall-progress tal-istess crews f’kull dipartiment.  B’kollox se jiġu żviluppati 21 Standards Frameworks Dipartimentali, bl-ewwel sebgħa tniedew waqt il-festival ta’  din il-ġimgħa, li jkopru l-produzzjoni, id-direzzjoni, il-kamera/DIT, il-kostumi, l-accounts,ix-xogħol ta’ wara l-produzzjoni, u x-xagħar l-irtokk. 

Inizjattiva oħra hija l-introduzzjoni tal-ewwel laboratorji Opportunity For All li diġà qed isiru din il-ġimgħa waqt il-festival f’ kollaborazzjoni mal-Film London. Il-fond tal-boroż ta’  studju se jippermetti li n-nies li jaħdmu fl-industrija tal-film jipparteċipaw f’ korsijiet li jsaħħu l-ħiliet tagħhom, sponsorjati mill-Malta Film Commission permezz ta’  fondi li nġabru mill-kontribuzzjonijiet tal-produzzjonijiet li jibbenefikaw mill-cash rebate. L-iskema se tkun tista’ tibda tiġi implimentata iktar tard din is-sena issa li l-fondi meħtieġa huma fis-seħħ u l-qafas imniedi jiżgura governanza xierqa. 

Intant, studju ppubblikat mill-Professur Vince Marmara fil-konferenza kkonferma wkoll ir-rieda tal-crew Malti li jipparteċipa f’ inizjattivi ta’  taħriġ.

Fl-istess ħin, studju indipendenti jikkonferma li l-opportunitajiet ta’  xogħol fl-industrija tal-films kibru konsiderevolment f’ dawn l-aħħar snin. L-attività fl-industrija tal-films appoġġjat madwar 500 impjieg full-time ekwivalenti fis-snin bejn l-2005 sal-2017. Mill-2018 ‘ il quddiem, din iċ-ċifra żdiedet ħames darbiet, u laħqet madwar 2,500 impjieg fis-sena, u laħqet l-ogħla punt ta’  6,500 fl-2023.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport