Id-diskussjonijiet fuq il-Multiannual Financial Framework (MFF) għas-snin 2028-2034 qabdu rata aċċellerata ħafna. Dan ġie kkonfermat mill-Prim Ministru Robert Abela fi Stqarrija Ministerjali li għamel fil-Parlament b’rabta mal-parteċipazzjoni tiegħu fis-Summit tal-Kunsill Ewropew li sar bejn it-18 u d-19 ta’ Ġunju li għadda fi Brussell.
Huwa beda biex qal li f’dan is-summit, flimkien mal-bqija tal-mexxejja Ewropej, trattaw diversi temi improtanti, inkluż l-MFF. F’dan ir-rigward huwa qal li did-darba pajjiżna qed jibda f’qagħda ferm aktar żvantaġġjata milli kien fl-2020, sforz jew frott is-suċċess ekonomiku tagħna.
Dr Abela qal li l-progress li għamilna fl-aħħar snin u l-mod kif qed ikollha prestazzjoni qawwija l-ekonomija tagħna, li hi l-aqwa waħda fl-Unjoni Ewropea, huma fatturi li lokalment nieħdu gost bihom imbagħad meta tiġi għad-diskussjoni ta’ dan il-budget huma fatturi li jistgħu jimmilitaw kontra tiegħu.
Madanakollu, huwa saħaq li bil-kompetenza li pajjiżna għandu, bis-saħħa tan-nies tekniċi li għandna, iħares ’il quddiem sabiex fix-xhur li ġejjin hekk kif mistennija jkomplu jintensifikaw in-negozjati, Malta tkompli tkun imħejjija fuq kull livell biex “niksbu riżultat eċċellenti ieħor għal pajjiżna.”
Il-Prim Ministru fakkar ukoll kif fl-2020 kien ġie nnegozjat budget li kien iżjed mid-doppju ta’ dak li pajjiżna kien innegozja lura fl-2012.
Intant, qabel il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, Dr Abela attenda wkoll għal-laqgħa tal-Friends of Cohesion, flimkien ma’ numru ta’ mexxejja Ewropej. Hawn semma kif il-fondi ta’ koeżjoni huma importanti ħafna għal pajjiżna. Fl-istess waqt li qal li “l-politika ta’ koeżjoni trid tibqa veikolu tal-progress u l-iżvilupp inkluż fl-isforzi biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-blokk.”
Tema oħra li ġiet trattata f’dan is-summit kienet ukoll il-kompetittività globali. Dan bil-għan li jkunu mifhuma l-isfidi komuni li qed naffaċċjaw u jagħtu gwida lill-Kummissjoni Ewropea, fejn it-tisħiħ tas-sigurtà ekonomika hi importanti imma dan irid jimxi id f’id mal-bżonn li nibqgħu miftuħa għall-kummerċ u mhux ningħalqu ġewwa fina.
“Il-prudenza titlob li r-rispons għandu jkun meqjus, kalibrat u msejjes fuq ir-regoli internazzjonali allinjat mal-prinċipji tal-World Trade Organisation,” qal il-Prim Ministru.
Dr Abela kompla jgħid: “Tkellima wkoll fuq il-funzjonament tas-Suq Waħdieni fejn għaddejja ħidma biex inwettqu r-roadmap ‘One Europe. One Market’ u neliminaw diversi elementi li ġew identifikati li qed ifixklu l-integrazzjoni sħiħa tas-suq. F’dan il-kuntest tibqa’ prominenti d-diskujsoni dwar il-prezzijiet għolja tal-enerġija u hawn fejn tara t-tħassib serju madwar il-mejda. Jikkuntrasta bil-kbir mal-istabbiltà totali li Gvern immexxi minni offra f’pajjiżna tul dawn l-aħħar snin u hekk se nibqgħu noffru fl-enerġija.”
Kien hawn fejn il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ftehim milħuq mal-kumpanija internazzjonali BP b’rabta mal-provvista tal-LNG. “Qed nerġgħu għal darboħra nagħtu żewġ garanziji ewlenin – il-provvista u l-prezz. Irnexxielna naslu għal dan il-ftehim li minnu se jgawdu l-familji u n-negozji tagħna,” qal Dr Abela.
Huwa rrefera wkoll għad-diskussjoni li saret b’rabta mal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja li issa ilha għaddejja mill-2022. Qal li l-President Ukren Volodymyr Zelensky tahom spjegazzjoni dettaljata ta’ kif is-sitwazjoni qed jantiċipa li tevolvi vix-xhur li ġejjin.
“Kellna diskussjoni importanti dwar xi rwol mistennija taqdi l-UE f’din il-gwerra u partikolarment il-mexxejja tagħha,” qal il-Prim Ministru.
Il-mexxejja Ewropej trattaw ukoll is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u l-prospetti għal ftehim ta’ paċi dejjiemi bejn l-Istati Uniti u l-Iran. Temi oħrajn li ġew diskussi kienu marbuta mas-sustanzi illeċti u ffukaw ukoll fuq l-immigrazzjoni irregolari.
Dwar din tal-aħħar, il-Prim Ministru qal li ltaqgħu qabel il-Kunsill Ewropew, 16-il pajjiż stat membru flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea. “Nirrapporta progress sostanzjali minn dan il-grupp. Konna strumentali biex xpurunajna diskussjonijiet importnati ħafna matul dan l-aħħar sena u nofs f’kuntest fejn għandek pressjonijiet migratorji li huma kbar inkluż minħabba li qed jiġri fil-Lvant Nofsani.”
Mil-lat lokali, il-Prim Ministru nnota li llum għandna riżultati ta’ suċċess fejn naqsu drastikament il-wasliet f’pajjiżna. “Ma jfissirx li l-pressjonijiet naqsu. Din hi taqbida li jkollna ta’ kuljum u f’dan il-format kelli l-opportunità nerġa’ nispjega mod kif aħna qed nitrattaw din is-sitwazzjoni.”

