Wara t-tmien jum ta’ kompetizzjoni tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isiru f’Sofia, il-Bulgarija, it-tim Malta 1 iffurmat minn Aaron Busuttil u Chris Peplow huwa l-uniku tim Malti li baqa’ fil-kompetizzjoni.
Busuttil u Peplow reġa’ kellhom it-tielet riżultat konsekuttiv mingħajr ma tilfu l-ebda frame. L-aħħar avversarju tagħhom fil-fażi tal-gruppi kienu Bulgarija 2 (Bratislav Krastev u Viktor Iliev) fejn huma rebħulhom bl-iskor ta’ 71-23, 56-49, 68-58. B’hekk it-Malta 1 huwa l-uniku tim f’din il-kompetizzjoni tal-Irġiel tat-timijiet li fil-fażi tal-gruppi ma tilef l-ebda frame u b’hekk ma kellux għalfejn jilgħab ‘play-off’ iżda kkwalifika direttament għall-kwarti tal-finali fejn issa l-avversarji tagħhom ser ikunu Polonja 2 (Michał Kotiuk u Jakub Chromy).
Din il-kwarti-finali tintlagħab il-Ħamis fid-9.00 a.m. u fl-eventwalità li jerġgħu jikkwalifikaw fis-semi-finali li trid tintlagħab, il-Ħamis ukoll fit-3.00 p.m., ikunu jridu jilgħabu ma min jirbaħ minn Ukranja (Matvei Lagodzinschii u Yurii Semko) jew Ġermanja 1 (Alexander Widau u Simon Lichtenberg).
Fl-istess kategorija, Malta 2 ta’ Alex Borg u Joseph Casha, t-Tlieta, tilfu ż-żewġ konfronti li lagħabu fihom. Filgħodu, fl-aħħar logħba tal-gruppi tilfu kontra Franza 1 (Nicolas Mortreux u Niel Vincent) 3-0, bil-punteġġi ta’ 63-67, 32-64, 21-68 iżda xorta kkwalikifaw għal fażi tan-knockout. F’din il-fażi Borg u Casha riedu jilgħabu ‘play-off’ għal post mal-aħħar tmienja li fiha ġew megħluba minn Ukranja (Matvei Lagodzinschii u Yurii Semko) 3-1, bl-iskors ta’ 78-37, 20-58, 54-64, 52-69 biex ġew eliminati.
Fil-kategorija tas-Seniors ta’ -il fuq minn 40 sena, Philip Ciantar u Emanuel Mallia kellhom ibaxxu rashom fis-semi-finali kontra Belġju 1 (Alain Vandersteen u Peter Bullen). Il-Maltin tilfu 3-0 bil-frames jintemmu: 47-69, 49-69, 53-57. Aktar kmieni Ciantar u Mallia rebħu fil-kwarti tal-finali kontra Polonja 2 (Marcin Nitschke – Jarosław Kowalski) 3-2, bl-iskors ta’ 56-40, 47-68, 65-26, 40-59, 60-17. Bħala tim tellief fis-semi-finali, Malta ġiet ikklassifikata fit-tielet post b’hekk tirbaħ midalja tal-bronze u għal Philip Ciantar kienet it-tieni midalja tal-bronze li rebaħ matul din l-edizzjoni tal-2026.




