Tnejn mill-fornituri ewlenin tat-telekomunikazzjoni f’Malta qed jippjanaw li jingħaqdu biex joħolqu operatur aktar effiċjenti fis-settur fiss u dak mobbli.
It-tranżazzjoni se toħloq l-iskala meħtieġa biex jitħaffef l-investiment fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni li jmiss u f’veloċitajiet gigabit fost l-aħjar fis-suq, għal kwalità u kopertura aħjar tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni fissi u mobbli, b’benefiċċju għall-konsumaturi madwar Malta.
16 ta’ Settembru 2026: L-operaturi tat-telekomunikazzjoni Maltin Melita Limited (“Melita“), u Epic Communications Limited (“Epic“) illum ħabbru li daħlu fi ftehim biex jgħaqqdu l-operazzjonijiet tagħhom.
Din id-deċiżjoni se ġġib flimkien żewġ operaturi tan-netwerk b’saħħiet kumplimentari, biex jipprovdu servizzi aħjar u aktar għażla lill-klijenti u biex jappoġġjaw l-iżvilupp fit-tul tal-infrastruttura diġitali ta’ Malta. Dan se jwassal għal konnettività msaħħa għall-konsumaturi, in-negozji u s-settur pubbliku madwar il-pajjiż.
It-tranżazzjoni se tipprovdi lin-negozju hekk kkombinat, l-iskala meħtieġa biex jinvesti fit-tul, b’mod li ma kienx ikun possibbli li jintlaħaq minn xi waħda mill-kumpaniji individwalment. It-talbiet fuq il-fornituri tat-telekomunikazzjoni qed jikbru, hekk kif il-klijenti qed ifittxu veloċitajiet ta’ klassi dinjija, infrastruttura reżiljenti u kapaċitajiet avvanzati ta’ ċibersigurtà. Dan il-livell ta’ investiment sostnut jinkiseb biss meta l-organizzazzjonijiet jilħqu ċertu qies. Negozju kkombinat ikun f’pożizzjoni aħjar biex jissodisfa dawn il-ħtiġijiet, billi jinvesti fit-titjib tal-kwalità tan-netwerk u tas-servizz kemm fis-settur fiss kif ukoll f’dak mobbli, b’pass u skala li jkunu aktar diffiċli li jinkisbu b’mod indipendenti f’pajjiż żgħir bħal Malta. It-tranżazzjoni se tippermetti lin-negozju mgħaqud jikkompeti b’mod aktar effettiv fis-suq Malti, billi joffri lill-klijenti kwalità tan-netwerk aħjar u aktar għażla permezz ta’ offerta bla xkiel bejn is-settur fiss u dak mobbli.
L-għaqda taż-żewġ negozji se tappoġġja l-iżvilupp ekonomiku usa’ ta’ Malta billi ttejjeb il-kwalità u l-veloċità tal-kopertura fuq in-netwerks fissi u dawk mobbli.
Harald Roesch, Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ Melita Limited, qal: “Fil-qalba ta’ dan il-ftehim hemm l-investiment fil-konnettività li fuqha tiddependi Malta. Malta teħtieġ investiment serju u sostnut fl-infrastruttura diġitali tagħha, u dan huwa aktar diffiċli għal operaturi żgħar biex jiffinanzjaw waħidhom. Il-kumpaniji tagħna għandhom saħħiet komplementari, b’netwerks ewlenin kemm fis-settur fiss kif ukoll f’dak mobbli. Li ngħaqqduhom flimkien ifisser li qed nibnu xi ħaġa aħjar għall-klijenti tagħna u għal Malta.”
Pierre-Etienne Cizeron, Kap Eżekuttiv (CEO) ta’ Epic, qal: “Illum huwa mument importanti għall-futur diġitali ta’ Malta. Billi ngħaqqdu s-saħħiet ta’ Epic u Melita, qed noħolqu fornitur aktar b’saħħtu, bl-iskala li jinvesti aktar f’netwerks ta’ klassi dinjija, servizzi diġitali u esperjenza tal-klijent. L-ambizzjoni komuni tagħna hija sempliċi: li nwasslu valur, għażla u konnettività akbar lill-konsumaturi u lin-negozji madwar Malta, filwaqt li nappoġġjaw l-iżvilupp diġitali kontinwu tal-pajjiż.”
L-għaqda proposta taż-żewġ kumpaniji, li permezz tagħha Melita se takkwista 100% tal-ishma ta’ Epic mingħand Monaco Telecom, kif ukoll l-investiment futur previst, jibqgħu soġġetti għall-approvazzjonijiet regolatorji tas-soltu, inkluż dawk relatati mal-kontroll tal-fużjonijiet. Sakemm jinkisbu l-approvazzjonijiet meħtieġa, Melita u Epic se jkomplu joperaw u jikkompetu b’mod indipendenti, b’kontinwità għall-klijenti u mingħajr ebda impatt fuq l-impjegati taż-żewġ kumpaniji.
Dwar Melita
Melita hija operatur tat-telekomunikazzjoni Malti. Imwaqqfa fl-1992, tipprovdi servizzi ta’ broadband Internet, TV u servizzi ta’ telefonija mobbli u fissa għal aktar minn 75% tad-djar Maltin, kif ukoll firxa sħiħa ta’ servizzi għan-negozji, inklużi konnettività, ċentru tad-dejta, cloud u servizzi tal-IoT. Infrastructure ta’ Goldman Sachs Alternatives ilhom is-sidien ta Melita mill-2025.
Dwar Epic
Epic Communications Ltd hija waħda mill-fornituri tat-telekomunikazzjoni f’Malta, li toffri portafoll ta’ servizzi ta’ telefonija mobbli u fissa, internet, televiżjoni, soluzzjonijiet tan-negozju tal-ICT, u servizzi speċjalizzati għall-industrija marittima. Epic ilha proprjetà ta’ Monaco Telecom mill-2020.
