Kienet ippubblikata ħarġa speċjali tal-gazzetta Furjaniża ‘IL-FURJANA’ li hi kollha kemm hi dwar l-artista Furjaniż, Noel Galea Bason li miet għal għarrieda fl-14 ta’ Mejju 2026 fl-età ta’ 71 sena. Sittax-il faċċata mimlijin tagħrif u ritratti dwar ħajtu u ħidmietu f’karriera artistika ta’ aktar minn erbgħin sena.
Fil-Kumment Editorjali ta’ din il-ħarġa speċjali, bit-titlu ‘Ġieħ għal Malta u għall-Furjana’, inkiteb li l-Amministrazzjoni ta’ ‘IL-FURJANA’ xtaqet li bħalma għamlet f’Diċembru tal-2020, ftit ġimgħat biss wara l-mewt tal-mibki Professur Furjaniż Oliver Friggieri, ssellem ukoll b’ħarġa speċjali, l-memorja ta’ dan il-kon-ċittadin ieħor ewlieni tagħna, Noel Galea Bason.
Żewġ Furjaniżi li kienu ħbieb ħafna ta’ xulxin u li f’ħajjithom għamlu ġieħ kbir lil pajjiżhom u lil belt twelidhom, li dejjem kienu kburin biha. Filwaqt li Friggieri kien poġġa isem il-Furjana fuq il-mappa tad-dinja letterarja, Galea Bason poġġiha fuq il-mappa internazzjonali tad-dinja tan-numismatika (tal-muniti).
Għalkemm Noel Galea Bason fil-karriera tiegħu ma ħadimx biss muniti, iżda wkoll midalji u tipi varji ta’ xogħlijiet fil-bronż inklużi monumenti, jibqa’ l-aktar magħruf għas-sett oriġinali tal-Ewro. Xi ħaġa li nġorruha u nagħmlu użu minna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Id-diversi kitbiet li hemm fil-ħarġa speċjali ma jagħtux biss ħarsa lejn il-karriera artistika tiegħu, iżda wkoll lejn l-aspetti differenti ta’ ħajtu. Fost dawn hemm is-sehem tiegħu fil-ħajja ta’ belt twelidu. Mis-sehem tiegħu fil-logħba tal-futbol fuq livell dilettantesk, sal-parteċipazzjoni tiegħu bħala kitarrista fl-animazzjoni tal-quddiesa għaż-żgħażagħ kull nhar ta’ Ħadd fit-8 ta’ filgħodu fil-Knisja ta’ San Publju.
F’apprezzament analitiku tax-xogħlijiet ta’ NGB – kif kien jiffirma ħidmietu Noel Galea Bason – inkiteb li Galea Bason kien artist li ħalla impatt profond fuq il-kultura Maltija.
Ix-xogħol tiegħu jgħaqqad l-arti mal-istorja, is-simboliżmu mal-identità nazzjonali u l-kreattività mal-preċiżjoni teknika. Il-kontribut tiegħu jibqa’ wieħed mill-aktar sinifikanti fil-qasam tal-iskultura u tad-disinn numismatiku f’Malta.
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’, jista’ jċempel fuq in-numri 79339649 jew 99821494, jew jikteb fuq l-indirizzi elettroniċi [email protected] jew [email protected]. L-indirizz postali hu ‘IL-FURJANA’, 44 Triq il-Kapuċċini l-Furjana FRN 1033.
L-istess dettalji jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jabbona fil-gazzetta għal ħlas nominali ta’ ħames ewro biss fis-sena, inkella jixtieq jakkwista xi kopja ta’ xi ħarġiet imgħoddija tal-gazzetta.
L-Amministrazzjoni tal-gazzetta Furjaniża fadlilha wkoll xi kopji tat-tliet kotba (wieħed dwar il-Furjana in ġenerali, ieħor dwar il-Knisja ta’ San Publju, u ieħor dwar l-Ark Trijonfali ta’ san Publju li kien inqered bin-nar fl-2019) li kienet ippubblikat fl-aħħar snin. Id-dettalji msemmija hawn fuq jistgħu jintużaw ukoll minn min jixtieq jakkwista xi kopja.
CAPTION
Il-qoxra tal-ħarġa speċjali tal-gazzetta ‘IL-FURJANA’ li hi ddedikata lill-artista Furjaniż Noel Galea Bason (1955-2026)

