Monday, June 22, 2026

Xjenza Malta u OGS jiffirmaw ftehim biex isaħħu l-kooperazzjoni fir-riċerka fil-Mediterran

Aqra wkoll

Xjenza Malta u l-Istituto Nazionale di Oceanografia e di Geofisica Sperimentale (OGS) tal-Italja ffirmaw ftehim bil-għan li jissaħħu l-kollaborazzjoni fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-bini tal-kapaċità xjentifika madwar ir-reġjun tal-Mediterran.

Il-ftehim ġie ffirmat waqt avveniment li sar fil-Planetarium f’Esplora, segwit mill-ftuħ uffiċjali tal-Iskola tas-Sajf AMARE-MED 2026, skola avvanzata dwar ‘Multispecies Modelling Approaches for Ecosystem-Based Marine Resource Management in the Mediterranean Sea’, li l-edizzjoni ta’ din is-sena qed tiġi organizzata f’Malta.

Il-ftehim jibni fuq sħubija diġà stabbilita bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet permezz ta’ diversi inizjattivi Ewropej u Mediterranji, inklużi JPI Oceans, id-Djalogu 5+5 dwar ir-Riċerka, l-Innovazzjoni u l-Edukazzjoni Għolja, BlueMissionMed, is-Sħubija għal Ekonomija Blu Sostenibbli, l-Alleanza ONE Water u l-attivitajiet ta’ Horizon Europe.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima ddeskriva l-ftehim bħala pass importanti fit-tisħiħ tar-rabtiet xjentifiċi bejn Malta u l-Italja. “Ninsab kuntent li din l-okkażjoni tiffoka fuq il-kollaborazzjoni xjentifika internazzjonali. Turi kif sħubijiet b’saħħithom jistgħu joħolqu opportunitajiet tanġibbli kemm għar-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet u s-soċjetà b’mod ġenerali”, qal il-Ministru Grima. 

Huwa stqarr ukoll li, “Din is-sħubija hija allinjata mill-qrib mal-Pjan Strateġiku Nazzjonali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni ta’ Malta, li jpoġġi enfasi qawwija fuq l-eċċellenza fir-riċerka, l-internazzjonalizzazzjoni, l-iżvilupp tat-talent u t-tisħiħ tal-ekosistema nazzjonali tagħna tar-riċerka u l-innovazzjoni. Tallinja wkoll mal-Viżjoni Malta 2050, fejn l-għarfien, l-innovazzjoni u l-kapital uman huma rikonoxxuti bħala muturi essenzjali tal-prosperità, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà fit-tul”.

F’diskors ta’ introduzzjoni, Prof. Nicola Casagli, President tal-Istituto Nazionale di Oceanografiae di Geofisica Sperimentale (OGS) qal, “L-iffirmar ta’ dan il-ftehim ma’ Xjenza Malta jimmarka pass sinifikanti fit-tisħiħ tal-kooperazzjoni xjentifika tul il-Mediterran. Permezz ta’ din l-isħubija, OGS u Xjenza Malta se jippromwovu riċerka konġunta, tisħiħ fil-kapaċitajiet, aċċess għal infrastrutturi tar-riċerka, u l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda fi programmi Ewropej u internazzjonali. Flimkien, qegħdin ninvestu fl-għarfien, l-innovazzjoni, u l-futur sostenibbli tal-baħar tagħna lkoll”.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta Silvio Scerri spjega kif il-ftehim jifformalizza relazzjoni li diġà tat valur sinifikanti permezz ta’ proġetti u għanijiet komuni. Huwa rrimarka, “Il-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ixprunar xjentifiku. Din is-sħubija ssaħħaħ il-kapaċità tar-riċerka, twessa’ l-aċċess għall-għarfien espert u l-infrastruttura, u toħloq opportunitajiet ġodda għal parteċipazzjoni fi programmi Ewropej u internazzjonali”.

Dr Maria Azzopardi, Direttur tat-Taqsima tal-Internazzjonalizzazzjoni ta’ Xjenza Malta, enfasizzat l-importanza tal-investiment fir-riċerkaturi u t-trawwim ta’ networks internazzjonali. “Fi Xjenza Malta, aħna nemmnu bis-sħiħ li l-investiment fin-nies huwa wieħed mill-aktar investimenti importanti li nistgħu nagħmlu. L-appoġġ għar-riċerkaturi, partikolarment dawk fl-istadji bikrija tal-karrieri tagħhom, huwa kruċjali jekk irridu nibnu l-għarfien espert, il-ħiliet u t-tmexxija li se jixprunaw l-avvanzi xjentifiċi u teknoloġiċi futuri.”

​​

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport