Il-Malta Football Association tinforma lill-pubbliku sportiv li ħadet nota ta’ numru ta’ stqarrijiet li fl-aħħar jiem kienu maħruġa minn membri u msieħba fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol dwar id-distribuzzjoni tal-fondi ta’ solidarjeta’ li l-klabbs Maltin qiegħdin jirċievu wara arranġament ġdid iffirmat bejn il-UEFA u l-ECA.
It-tmexxija tal-Malta Premier League, taċ-Challenge League, tan-National Amateur League u tal-Youth Football Association, diġa’ ġew infurmati li se tkun qed tissejjaħ laqgħa ta’ djalogu, biex ikunu kkjarifikati l-pożizzjonijiet rispettivi kollha dwar il-fondi ta’ solidarjeta’ u biex kulħadd ikun infurmat bid-dettalji tar-regolamenti u bl-obbligi li dawn iġibu magħhom.
Il-Malta Football Association tawgura, li kif dejjem ġara fil-passat, is-solidarjeta’ fil-futbol abbażi tal-mudell sportiv, tkun dik li tiddetermina l-għaqda bejn dawk li jaħdmu fil-bażi u għalhekk il-grassroots u dawk li jaħdmu fil-quċċata u għalhekk il-professjonisti.
L-MFA tħoss li f’dan l-istadju m’hemmx lok għal aktar diżgwid bejn il-partijiet ikkonċernati, titlob li kull parti tipparteċipa fid-djalogu u li kulħadd jimxi ‘l quddiem b’rieda tajba.