Il-Malta Freeport Terminals tilqa’ l-vapur tal-kontejners CMA CGM Berenice

Aqra wkoll

Il-Malta Freeport Terminals laqgħet lil CMA CGM Berenice fl-ewwel żjara tiegħu f’Malta, liema żjara mmarkat l-akbar vapur tal-kontejners li jaħdem bi fjuwil doppju tal-metanol li qatt żar il-Malta Freeport. 

Il-wasla ta’ dan il-vapur tal-kontejners timmarka pass importanti ieħor għal Malta Freeport Terminals u turi l-kapaċità tal-faċilità li takkomoda u timmaniġġja b’mod effiċjenti l-vapuri tal-kontejners tal-aħħar ġenerazzjoni filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-rwol strateġiku ta’ Malta bħala ċentru ewlieni tat-trasbord li jgħaqqad swieq internazzjonali ewlenin. 

B’tul ta’ 366 metru, wisa’ ta’ 51 metru u kapaċità nominali ta’ 16,204 TEUs, is-CMA CGM Berenice huwa l-ħames vapur minn serje ta’ sitt vapuri tal-kontejners li jaħdmu b’fjuwil doppju tal-metanol introdotti minn CMA CGM bħala parti mill-istrateġija tal-grupp għat-tiġdid tal-flotta u d-dekarbonizzazzjoni.

Ibaħħar taħt il-bandiera Maltija, dan il-vapur jgħaqqad ukoll il-kapaċità li juża fjuwil alternattiv ma’ karatteristiċi avvanzati ta’ inġinerija mfassla biex itejbu l-effiċjenza tal-fjuwil u jnaqqsu l-emissjonijiet.

Minbarra l-kapaċità tiegħu li jaħdem b’fjuwil doppju tal-metanol, CMA CGM Berenice jinkorpora firxa ta’ innovazzjonijiet avvanzati fl-inġinerija u fl-idrodinamika mfassla biex jimmassimizzaw l-effiċjenza.

Il-vapur żar il-Malta Freeport bħala parti mis-servizz MEX 1 bejn l-Asja u l-Mediterran u rmiġġa fit-Terminal One, fejn l-operazzjonijiet tal-merkanzija twettqu bl-użu ta’ [ħames] krejnijiet tal-moll Megamax.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Freeport Terminals, Alex Montebello, qal: “Il-wasla ta’ CMA CGM Berenice tirrifletti kemm il-fiduċja li CMA CGM, l-akbar klijent ta’ Malta Freeport u wieħed mill-gruppi ewlenin tat-tbaħħir fid-dinja li qed jagħmel it-tranżizzjoni lejn operazzjonijiet aktar sostenibbli, għandha f’Malta Freeport Terminals.

“L-investiment kontinwu tagħna fl-infrastruttura, fit-tagħmir u fit-teknoloġija jiżgura li nibqgħu f’pożizzjoni tajba biex nimmaniġġjaw il-vapuri tal-kontejners tal-aħħar ġenerazzjoni, filwaqt li nappoġġjaw il-ħtiġijiet futuri tal-kummerċ marittimu globali.”

Il-Viċi President ta’ CMA CGM VP Line, Philippe Lesbros, qal: “L-ewwel żjara ta’ CMA CGM Berenice f’Malta hija eżempju ċar tal-impenn ta’ CMA CGM lejn it-tranżizzjoni enerġetika fis-settur tat-tbaħħir. Bħala wieħed mill-aħħar vapuri li żdiedu mal-flotta tagħna, dan il-vapur ta’ 16,000 TEU, li jaħdem b’fjuwil doppju tal-metanol, jgħaqqad il-kapaċità li juża fjuwil alternattiv mal-ogħla standards ta’ effiċjenza u innovazzjoni. Din l-ewwel żjara tirrifletti wkoll ir-rabtiet b’saħħithom u li ilhom jeżistu bejn CMA CGM u Malta, ċentru strateġiku fil-qalba tan-netwerk tagħna fil-Mediterran.”

Iż-żjara tenfasizza wkoll il-programm ta’ investiment kontinwu ta’ Malta Freeport Terminals, li jinkludi l-espansjoni tat-Terminal Two u investiment kontinwu f’tagħmir u infrastruttura avvanzati għall-immaniġġjar tal-kontejners, maħsuba biex iżidu l-kapaċità, itejbu l-produttività u jsaħħu l-kompetittività tat-Terminal.

Flimkien ma’ dawn l-investimenti, Malta Freeport Terminals qed timplimenta l-istrateġija tagħha fit-tul għad-dekarbonizzazzjoni, bil-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ CO₂ bi 30 fil-mija sal-2030 permezz ta’ investiment f’enerġija rinnovabbli, tagħmir effiċjenti fl-użu tal-enerġija, titjib fl-operazzjonijiet u Onshore Power Supply.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport