Saturday, July 20, 2024

Il-Malta International Arts Festival jibda nhar il-Ġimgħa

Aqra wkoll

Min-nhar il-Ġimgħa, Festivals Malta se tagħti bidu għat-tieni festival tas-sajf fil-kalendarju tagħha – Il-Malta International Arts Festival.

Dan il-festival tal-arti u l-kultura, li huwa mifrux fuq għaxart ijiem bejn l-14 ta’ Ġunju u t-23 ta’ Ġunju, se jinkludi varjetà ta’ dixxiplini artistiċi bħall-arti viżiva, it-teatru, l-mużika, żfin kontemporanju u dak klassiku. Il-festival se jinkludi wkoll diversi postijiet storiċi fi ħdan l-ipprogrammar tiegħu, li jinkludu t-Teatru Manoel, il-Valletta Underground, il-Port il-Kbir, il-Palazz tal-Gran Mastru, u l-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu.

Il-programm ta’ din is-sena jinkludi varjetà ta’ wirjiet uniċi minn artisti lokali u internazzjonali, inklużi diversi avvenimenti Fringe b’kollaborazzjoni minn membri differenti tal-komunitajiet lokali.

“Il-Malta International Arts Festival (MIAF) iħallat l-innovazzjoni mal-aċċessibbiltà, u jilħaq udjenza wiesgħa permezz tal-eċċellenza artistika. Waħda mill-karatteristiċi distintivi tal-MIAF hija l-ipprogrammar ta’ avvenimenti f’siti storiċi – li toħloq estetika u narrattiva unika għall- festival”, jispjega d-Direttur Artistiku Ruben Zahra.

Il-festival ser jibda mill-ġimgħa b’Voices at the End li jinkludi żfin u mużika kontemporanja minn ŻfinMalta. Dan ikompli s-Sibt b’Voices of Valour is-Sibt, li se jinkludi lil KorMalta b’diversi xogħlijiet korali tas-seklu 16 f’żoni differenti tal-Palazz tal-Gran Mastru. Fi tmiem din il-ġimgħa, il-festival se jinkludi wkoll żewġ proġetti Fringe; Steli – installazzjoni fit-triq bil- parteċipazzjoni tal-pubbliku, li se ssir f’Tas-Sliema, Birżebbuġa u l-Belt Valletta, kif ukoll l-ewwel prestazzjoni ta’ Il-Karattri tal-Fantasija Maltin, teatru bil-Malti, li se tintroduċi lill-udjenzi ma’ diversi karattri u iħirsa differenti li jiffurmaw parti mill-folklor Malti.

Il-festival se jkompli sat-23 ta’ Ġunju b’avvenimenti oħra bħal Harbour Odyssey, Underground Valletta: In Concert, M.A.D. – Music and Dance, La Desnudez, u aktar.

Għall-biljetti u biex tara l-programm sħiħ, żur www.festivals.mt/miaf. Dan l-avveniment qed jittella’ bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u huwa sponsorjat minn Coca-Cola.

Ekonomija

Sport