Permezz ta’ ħidma li twettqet kemm mill-Malta Ranger Unit, kif ukoll mid-Dipartiment, is-Sibt billejl inqabdu żewġ irġiel jistadu illegalment fil-limiti tal-Aħrax fil-Mellieħa.
Dan qalitu l-Malta Ranger Unit f’messaġġ fuq Facebook, fejn spjegat li t-tnejn intlemħu għall-ħabta tal-10:00 p.m u li l-ħut maqbud u t-tagħmir taż-żewġ irġiel ġew ikkonfiskati.
Is-sajd bil-lejl bid-dwal huwa pprojbit, kemm fil-bajjiet u kif ukoll fil-portijiet. Dan qalitu l-MRU l-istess messaġġ, fejn spjegat li dik hija waħda mir-regolamenti tas-sajd li kull individwu hemm barra għandu jobdi.
Fl-aħħar tal-messaġġ, l-MRU irringrazzjat lid-Dipartiment tas-Sajd għall-fatt illi meta ssejħu għall-għajnuna, dawn marru immedjatament fuq il-post.