Miktub Minn CARMEN CACHIA , Filmat ALAN SALIBA
F’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fil-baħar ukoll qegħdin jittieħdu l-proċeduri meħtieġa għall-protezzjoni kemm tal-lifeguards kif ukoll tal-persuna li tkun qiegħda tingħata assistenza. Dan is-sit iltaqa’ mad-Direttur tal-Operazzjonijiet tal-Malta Red Cross, Robert Brincau, fejn spejga li minħabba l-pandemija tal-Covid-19 huma wkoll għandhom protokolli stabbiliti dwar kif jistgħu jagħtu assistenza mill-viċin lill-persuni li jsibu ruħhom f’diffikultà fil-baħar. Fost dawn hemm ilbies protettiv għal-lifeguards u dik li ma jsirx kuntatt bil-ħalq għar-risuxxitazzjoni kardjopulmonari (CPR).
Il-Malta Red Cross bħalissa għandha 50 lifeguard professjonist impjegat magħha, kif ukoll l-għajnuna minn 50 volontiera li tul is-sajf jgħassu l-bajjiet tagħna biex ikun evitat kull tip ta’ inċident għall-għawwiema li jkunu fihom.
F’dawn iż-żminijiet fejn l-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu miżuri ta’ sigurtà biex ikun evitat it-tixrid tal-Coronavirus, ix-xogħol tal-lifeguards u l-assistenza meħtieġa minnhom f’każi ta’ inċidenti fil-baħar, ġiet affettwata wkoll minħabba protokolli li jridu jimxu magħhom. “Waħda mill-aktar affarijiet li naħseb li għamlet differenza hija meta jkollna bżonn nagħtu CPR. Hemm hekk m’aħniex qegħdin nagħtu dak li huwa magħruf bħala l-mouth to mouth u lanqas nużaw maskra,” ħabbar Robert Brincau.
Huwa qal li dan jiġifieri li f’każijiet hekk huma jużaw dik li jsejħula l-borża, li din wara trid tintrema, jew inkella jistennew sakemm tasal aktar assistenza. Normalment f’dawn il-każijiet, li kemm ilu li beda l-istaġun ma kellhomx, żgur li l-lifeguards ma jistgħux jagħtu s-CPR fejn ikun hemm kuntatt ħalq ma’ ħalq.
“Barra minnhekk meta l-lifeguards jiġu biex javviċinaw persuna, iridu jilbsu l-ħwejjeġ meħtieġa fejn fi proċess normali dawn huma l-ingwanti u l-maskra, mentri meta jkollhom jersqu aktar viċin f’każijiet aktar gravi, iridu jilbsu l-ilbies protettiv komplut. Ma’ dawn hemm proċeduri oħra li kemm it-torrijiet, kif ukoll il-vetturi, iridu jiġu sanatizzati sew filgħodu u filgħaxija, kif ukoll aħna u għaddejjin,” spjega Brincau.
Huwa qal li fortunatament l-akbar parti tax-xogħol tal-lifeguard hija assistenza fuq l-art għax il-każijiet ikunu affarijiet żgħar. “Huma ftit l-interventi li nagħmlu fil-baħar u dan mhux għax m’għandniex periklu, imma anke n-nies jikkolaboraw ħafna biex innaqsu l-inċidenti fil-bajjiet,” kompla d-direttur.
L-inċidenti fatali fil-baħar normalment huma kollha bi storja medika
Fis-sena l-Malta Red Cross ikollha bejn 4,000 u 5,000 każijiet bl-aktar komuni ta’ gdim mill-bram, xemxata jew kwistjonijiet mediċi li jinkludu problemi bil-pressjoni u attakki tal-qalb.
Mistoqsi jekk f’pajjiżna hemmx it-theddida minn klieb il-baħar Brincau qal li kemm ilu involut, huwa qatt ma kellna din it-tip ta’ sitwazzjoni u li meta jkun irrapportat li hemm xi ħuta kbira viċin ix-xatt, din ġeneralment tkun tonn feruta li tidħol ġewwa għall-kenn.
Kemm ilu f’din il-linja Brincau jħoss li l-agħar każijiet li kellu kienu dawk fatali u li f’dawn l-aħħar 10 snin, fortunatament, ftit kellna minnhom. Huwa qal li dawk li s’issa seħħu, kienu kollha marbuta ma’ kumplikazzjonijiet mediċi tal-persuna li kellha bżonn ta’ assistenza fil-baħar.
“Aħna nippruvaw li l-inċidenti nwaqqfuhom qabel iseħħu allura meta naraw li persuna qiegħda jew tista’ tidħol f’periklu jew xi tfal joħorġu ‘l barra ħafna, imorru ħdejhom u ngħidulhom biex jidħlu ‘l ġewwa. Bl-interventi f’waqthom tkun qiegħed tikkontrolla ħafna aħjar is-sitwazzjoni u tevita l-inċidenti,” temm Robert Brincau.