Il-Malta Skills Championships 2026: ferm iżjed minn sempliċiment kompetizzjoni

Aqra wkoll

Meta wieħed jitkellem dwar is-suċċess, spiss tingħata attenzjoni partikolari lill-kisbiet akkademiċi. Madankollu, is-suċċess jista’ jieħu diversi forom u jkun hemm toroq differenti li jwasslu għalih. Il-professjonisti tas-sengħa li ta’ kuljum jibnu d-djar fejn ngħixu, iżommu n-negozji għaddejjin, jilqgħu lit-turisti li jżuruna u jiżguraw it-tkomplija tas-servizzi essenzjali, għandhom rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Il-ħiliet u l-kontribut tagħhom jistħoqqilhom l-istess rikonoxximent u stima li jingħataw lil dawk li jeċċellaw f’oqsma edukattivi u professjonali oħrajn.

Din hija r-raġuni għalfejn il-Malta Skills Championships 2026 huma ferm iżjed minn sempliċiment kompetizzjoni. Huma vetrina tal-eċċellenza fil-ħiliet vokazzjonali u ċelebrazzjoni tal-kisbiet ta’ dawk li jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Fl-istess ħin, huma opportunità biex jintwera l-valur ta’ dawn il-perkorsi u l-opportunitajiet li joffru liż-żgħażagħ biex jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jagħtu kontribut lis-soċjetà.

Immexxija mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ħiliet, ir-rappreżentant uffiċjali ta’ Malta fil-WorldSkills Europe, WorldSkills Malta tippromwovi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali bħala perkors ta’ kwalità għolja. Tħeġġeġ liż-żgħażagħ jesploraw karrieri vokazzjonali, issaħħaħ ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni, l-industrija u dawk li jfasslu l-politika, u toħloq  opportunitajiet għal skambju ta’ għarfien u esperjenzi fil-livell internazzjonali.

B’ħidma id f’id mal-MCAST u mal-ITS, iż-żewġ istituzzjonijiet ewlenin f’Malta fil-qasam  tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u bl-appoġġ ta’ diversi partijiet ikkonċernati mill-industrija, il-Malta Skills Championships se jipprovdu pjattaforma fejn iż-żgħażagħ li qed jispeċjalizzaw f’ħiliet u oqsma differenti jkunu jistgħu juru l-għarfien u l-abbiltajiet li żviluppaw permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-esperjenza prattika. Dawn il-Kampjonati se joffru wkoll lill-pubbliku opportunità biex isir iktar familjari mad-diversità tal-karrieri vokazzjonali u jifhem aħjar kif it-teknoloġiji emerġenti, l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà qed isawru l-ħiliet meħtieġa għall-futur ta’ pajjiżna.

Ekonomija produttiva u reżiljenti teħtieġ ħaddiema b’ħiliet u kompetenzi differenti. L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jistgħu jwessgħu l-opportunitajiet ta’ impjieg f’firxa wiesgħa ta’ setturi, fosthom fl-industriji emerġenti fejn id-domanda għal ħiliet ġodda qed tkompli tevolvi. Billi jgħaqqdu t-tagħlim prattiku u esperjenzjali mat-teorija, il-kreattività, it-teknoloġija u s-sostenibilita, dawn il-perkorsi qed jgħinu lill-istudenti jiksbu għarfien speċjalizzat, jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom u jadattaw għall-bidliet fid-dinja tax-xogħol. Il-benefiċċji tagħhom imorru lil hinn mill-impjieg individwali: ħiliet rilevanti u aġġornati jikkontribwixxu wkoll għal industriji aktar b’saħħithom, komunitajiet aktar reżiljenti u tkabbir ekonomiku sostenibbli. 

Madwar l-Ewropa u fid-dinja, il-kompetizzjonijiet tal-ħiliet jipprovdu pjattaforma biex ikomplu jiġu żviluppati u rikonoxxuti dawn l-kompetenzi vokazzjonali, titrawwem l-eċċellenza,  u l-prestazzjoni titqabbel mal-istandards u l-aspettattivi tal-industrija. Dawn il-kompetizzjonijiet juru wkoll li l-eċċellenza professjonali mhijiex biss kwistjoni ta’ għarfien tekniku, iżda tiddependi wkoll fuq ħiliet trasversali bħal-ħidma f’tim, il-komunikazzjoni, il-kreattività u s-soluzzjoni tal-problemi.  Il-Malta Skills Championships għandhom l-għan li jsaħħu dan l-ispirtu fil-livell nazzjonali, billi jirrikonoxxu l-kisbiet tal-professjonisti żgħażagħ li qed jiżviluppaw il-karrieri tagħhom, iħeġġu lil oħrajn jesploraw il-potenzjal tagħhom, u jiċċelebraw il-ħiliet li jgħinu biex l-ekonomija u s-soċjetà ta’ pajjiżna jkomplu jimxu ’l quddiem.

Il-Kampnjonati se jservu wholl bħala parti mill-proċess tal-għażla ta’ erba’ kompetituri biex ta jirrappreżentaw lil Malta fid-dixxiplini rispettivi tagħhom fil-EuroSkills 2027, li se jsiru f’Düsseldorf il-Ġermanja. Din il-parteċipazzjoni se toffri lill-kompetituri l-opportunità li juru l-kompetenzi tagħhom f’kuntest Ewropew u li jiksbu esperjenza f’ambjent internazzjonali, filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-iżvilupp tal-ħiliet f’Malta u l-istandards u l-prattiki Ewropej.

Il-Malta Skills Championships 2026 se jkunu miftuħin għall-pubbliku fil-kampus tal-MCAST:

·         L-Erbgħa, 11 ta’ Novembru bejn l-16.00 u s-19.00 u

·         l-Il-Ħamis,, 12 ta’ Novembru bejn l-16.00 u s-18.00, 

u fil-kampus tal-ITS:

·         It-Tlieta, 17 ta’ Novembru bejn is-13.00 u l-17.30 

Matul dawn il-ħinijiet, il-viżitaturi se jkunu  jistgħu jsegwu kompetizzjonijiet u sfidi prattiċi, jiltaqgħu mal-kompetituri, u jsiru aktar familjari mal-ħiliet li se jkollhom rwol important fid-dinja tax-xogħol futura ta’ Malta. Id-dħul huwa bla ħlas. L-istudenti, il-familji, l-edukaturi, dawk li jħaddmu u kull min hu interessat fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma mħeġġa jattendu biex jesperjenzaw il-ħiliet vokazzjonali fil-prattika.

Għal aktar informazzjoni żur worldskillsmalta.mt

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport