Wednesday, April 24, 2024

Il-Malta Women’s Lobby tisħaq li ilha tirrepeti u tagħmel l-istess talbiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Malta Women’s Lobby esprimiet dieqa kbira għall-fatt li f’pajjiżna reġa’ seħħ femiċidju ieħor. Fl-istess ħin, huma wkoll irrabjati ħafna minħabba li ilhom jirrepetu u jagħmlu l-isess talbiet lill-awtoritajiet tal-gvern “imma dawn jidhru li qegħdin jaqgħu fuq widnejn torox”. 

Filwaqt li saħqu li din is-sitwazzjoni mhiex aktar aċċettabbli, il-Malta Women’s Lobby qalet li l-każ ta’ Bernice huwa prova ċara li l-Istat ma jieħux is-sitwazzjoni li għandna bis-serjetà. “L-istejjer ma jieqfu qatt ta’ nisa li jesperjenzaw vjolenza u huma tal-biża’. Ħafna drabi t-tfal ibatu l-konsegwenzi wkoll. Però, hemm ukoll ħafna jbatu fis-silenzju b’għajnuna tant minima li xi drabi tkun ta’ livell redikolu”.

Bżonn li l-maġistrati u l-imħallfin jitħarġu regolarment

Din l-organizzazzjoni qalet li n-nisa li hemm bżonn jirrapportaw vjolenza domestika jittieħdu bis-serjetà u li l-każijiet tagħhom għandhom ikunu indirizzati b’urġenza. Saħqet li, “l-pulizija jeħtieġ li jkollha proċeduri operattivi ċari fis-seħħ meta titratta każijiet bħal dawn ħalli tiżgura li l-każijiet kollha jiġu trattati b’mod serju u ġust. Jeħtieġ ukoll li jappoġġjaw lill-vittma biex tiġbor evidenza biex ikollhom każ b’saħħtu fil-Qorti”.

Il-Malta Women’s Lobby temmen li għandu jkun hemm qorti separata b’biżżejjed maġistrati biex jitrattaw il-każijiet ta’ vjolenza domestika li dejjem qegħdin jiżdiedu. Dan minħabba li fil-preżent hemm maġistrat wieħed biss li jitratta l-kawżi kollha b’konsegwenza ta’ dewmien ta’ sena jew aktar. “Sadanittant,” kompliet din l-organizzazzjoni, “dawn in-nisa jgħixu fil-biża’ għal ħajjithom tant li din, prattikament, tispiċċa sospiża. Huwa imperattiv li meta agressur ikun identifikat bħala riskju għoli, il-pulizija jarrestawh u jressquh il-Qorti”.

Din insistiet li ma’ dan, il-Gvern għandu jalloka aktar fondi lill-entitajiet bħall-Aġenzija Appoġġ u s-Servizzi tal-Vjolenza Domestika biex dawn ikunu jistgħu jimpjegaw aktar ħaddiema soċjali ħalli jassistu lill-vittmi ta’ vjolenza domestika. Saħqet ukoll li s-salarji tal-ħaddiema soċjali jridu jogħlew bil-għan li aktar persuni jerqsu lejn din il-professjoni tant impenjattiva imma importanti. Issuġġeriet ukoll li l-pulizija jkollha aktar riżorsi u uffiċjali mħarrġa biex jaħdmu f’dan il-qasam u finalment li jingħata aktar taħriġ fuq bażi regolari lill-maġistrati u lill-imħallfin li jkunu fuq każijiet ta’ dan it-tip.

“L-Ordnijiet ta’ Protezzjoni waħidhom mhumiex biżżejjed”

Mistoqsija dwar il-fatt li l-aħħar vittma kellha wkoll Ordni ta’ Protezzjoni mill-Qorti imma xorta waħda nqatlet, il-Women’s Lobby qaltilna li, “jidher ċar li l-ordnijiet ta’ protezzjoni waħidhom mhumiex biżżejjed jekk il-Pulizija ma teħodhomx bis-serjetà u min iwettaq ir-reat jitħalla jikser l-Ordni ta’ Protezzjoni mingħajr ebda konsegwenzi kif ġara f’dan il-każ”.

Min-naħa tagħhom jemmnu li trid issir proċedura standard li meta xi ħadd ma jsegwix l-Ordni ta’ Protezzjoni, dan jiġi arrestat u mressaq il-Qorti immedjatament bil-għan li tkun protetta l-vittma milli ssofri aktar ħsara u biex tkun evitata l-mewt possibbli tagħha. F’dawn it-tip ta’ każijiet il-Women’s Lobby tara li jeħtieġ li jkun hemm database ċentralizzat bil-lista ta’ persuni fuq ordni ta’ trażżin. “Wieħed jista’ wkoll jikkonsidra t-tikkettar elettroniku (electronic tagging) tal-agressuri li huma meqjusa bħala l-aktar perikolużi biex ikun segwit kull moviment tagħhom ħalli jkun żgurat li ma jiksrux l-Ordnijiet ta’ Protezzjoni. Fl-aħħarnett, huwa imperattiv li Malta timplimenta bis-sħiħ il-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Dawn il-femiċidji qegħdin jindikaw li din il-Konvenzjoni mhiex tiġi implimentata kif suppost u l-Gvern jeħtieġ li jagħmel xi ħaġa dwarha”.

Din l-ogranizzazzjoni qalet li hemm bżonn li nindirizzaw il-kawżi ta’ x’inhuwa jwassal għal din il-pjaga soċjali li fl-opinjoni tagħhom ġejja mill-inugwaljanza bejn is-sessi. 

Il-Malta Women’s Lobby temmet bi twissija li, “jeħtieġ li dawn il-kwistjonijiet jittieħdu bis-serjetà permezz ta’ programmi edukattivi u billi ngħallmu lil uliedna jiddistingwu bejn relazzjoni tajba u dik tossika qabel ma jkun tard wisq għalihom”.

Sport