It-temp imsaħħab u ħalbiet tax-xita kmieni l-Ħadd filgħodu ma qatgħux qalb l-organizzaturi ta’ Festa Frawli u dan wassal biex għal darba oħra l-Imġarr kien miżgħud bin-nies għal din l-attività.
Waqt din il-festa kien hemm diversi bankarelli jbigħu kemm frawli u kif ukoll diversi prodotti tal-ikel magħmulin mill-frotta tal-frawli fost prodotti lokali oħra bħalma huma dawk magħmulin mill-għasel. Kien hemm ukoll artisti lokali li komplew iżejnu l-atmosfera u koki professjonali li kienu mħabbtin sew jippreparaw riċetti bil-frawli.
Minħabba li din hija attività għall-familja kollha ma setax jonqos li fil-lokalità jkun hemm diversi attivitajiet għat-tfal fejn fost affarijiet oħra ġew esebiti tpinġijiet tagħhom relatati ma’ din il-festa.
Il-festa tal-frawli bdiet bħala esperiment wara li l-Kunsill Lokali għamel riċerki u sab li l-frotta tal-frawli kienet ilha titkabbar u tinbiegħ fl-Imġarr miż-żmien is-seklu ħmistax. Kienet biss il-pandemija li waqqfet din l-attività minħabba restrizzjonijiet, iżda l-attendenza tal-bieraħ ikkonfermat kemm matul is-snin, din il-festa kompliet iżżid fil-popolarità tagħha.