Tuesday, May 14, 2024

Under 16: Malta megħluba mill-Armenja bl-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

L-Armenja għelbet lil Malta b’mod drammatiku wara l-għoti tal-penalties biex rebħet it-tieni logħba tal-UEFA U16 Development Tournament wara draw ta’ 2-2.

Sabiex ikun konformi mar-regoli tal-UEFA għal turnament bħal dan, il-kowċ Andrea Vella għamel numru ta’ alterazzjonijiet fil-formazzjoni tal-bidu, fejn bidel seba’ plejers. Dawn ir-regoli huma stabbiliti biex jagħmlu aktar enfasi fuq l-iżvilupp tal-plejers iktar milli fuq il-kompetizzjoni nnifisha.

Malta kellha vantaġġ għal-logħba kollha f’partita kkaraterizzata minn ħafna riħ, iżda ħallew lill-Armenja jissorprenduhom billi skorjaw darbtejn fl-ewwel 15-il minuta tat-tieni taqsima.

Fl-10 minuta, Keyon Ewurun qabeż żewġ difensuri, iżda l-goalkeeper Armen Khachartyan salva x-xutt tiegħu billi dawwar f’corner.

Il-Maltin irnexxielhom jiftħu l-iskor wara li Emerson Piscopo ipproduċa xutt stupend li għeleb lill-goalkeeper tal-Armenja. Malta kienu perikolużi f’okkażjonijiet oħra, b’Keyon Ewurun, Adam Vella u Jerome Baldacchino jonqsu milli jsibu x-xibka.

Fil-mistrieħ, l-Armenja għamlet erba’ bidliet fosthom is-sostitut David Harityunyan li eventwalment skorja fis-46 minuta. Tnax-il minuta wara l-istess plejer kellux utt ieħor minn barra l-kaxxa li għeleb għal kollox lill-goalkeeper Malti, Miguel Camilleri.

Minkejja dan, il-Maltin baqgħu jippersistu u wettqu pressjoni fuq l-avversarji tagħhom. Malta pproduċiet ftit opportunitajiet u kellha aktar pussess. Il-Maltin Jake Borg u Ubada Hijazi impenjaw ruħhom fi skambju sod li spiċċa bix-xutt ta’ dan tal-aħħar jiġi mxellef f’corner mil-linja difensiva tal-Armenja.

L-Armenja kienu ftit minuti ‘l bogħod mill-ewwel rebħa fit-tournament iżda s-sostitut Ubada Hijazi skorja fl-aħħar minuti biex sforza l-għoti tal-penalties.

Jake Borg, u Ubada Hijazi it-tnejn raw il-penalty tagħhom salvat mill-goalkeeper Armen, filwaqt li Denzil Muscat xeħet barra. Shelom Magri irnexxielu jikkonverti l-penalty tiegħu.

L-Armenja skurjaw tlieta mill-penalties tagħhom, filwaqt li l-goalkeeper Miguel Camilleri ċaħħad lil Gary Grigoryan, iżda dan ma kienx biżżejjed, bl-Armeni jiksbu ż-żewġ punti.

Malta terġa’ lura fl-azzjoni nhar it-Tlieta meta tospita lill-Iżlanda fl-aħħar logħba minn dan it-tournament. Il-logħba tintlagħab fit-Tony Bezzina Stadium f’Kordin (kick-off 3pm).

Malta: Miguel Camilleri, Adam Vella (Jayden Vella 81), Jake Borg, Karl Grima (Shelom Magri 60), Nathan Joyce (Sheldon Borg 60), Eslam El-Nasar (Lydon Seychell 81), Emerson Piscopo (Claude Mercieca 60), Jerome Baldacchino, Keyon Ewurun (Hijazi Ubada 60), Thomas Melillo (Luke Bugeja 60), Nathan Zerafa (Denzil Muscat 60) Coach: Andreas Vella

Armenja: Gabrielyan Cache, Mayis Khachatryan (Aram Aharonyan 46), Henzel Baghoyan, Karen Hovakimyan, Vahe Karapetyan, Sedrak Movsisyan (Antony Sardarian 66), Arame Minasyan (Gagik Meloyan 46), Aleks Galstyan (Artak Galstyan Yessayan 46), Lucas (Gary Grigoryan 46), Artak Galstyan (David Harutyunyan 46), Khosrov Ghazaryan Coach: Armen Petrosyan

Referee: Anthony Paul Vella (Malta)

Sport