Tuesday, December 24, 2024

Il-maltempata “Kathleen” mistennija tkompli tħalli ħerba fir-Renju Unit

Aqra wkoll

Il-maltempata “Kathleen” mistennija li tkompli tħalli ħerba fir-Renju Unit hekk kif is-servizzi tat-trasport se jkollhom jitwaqqfu kif ukoll mistenni aktar qtugħ ta’ dawl.

L-Aġenzija tal-Ambjent fir-Renju Unit ħarġet 127 twissija ta’ għargħar, kif ukoll avżat li hemm mill-inqas 20 post li huma mgħarrqin taħt l-ilma madwar l-Ingiterra u Wales. Ħarġet ukoll twissija safra għal periklu tal-ħajja tan-nies u għalhekk avżat biex kemm jista’ jkun ħadd ma joħroġ mid-dar.

L-uffiċju tat-Tbassir tat-Temp fir-Renju Unit qal li din il-maltempata hija waħda qalila ħafna tant li jista’ jkun hemm ħsarat struttrali fuq diversi binijiet. Konsegwenza ta’ dan il-maltemp kien hemm problemi fuq il-linji tal-mobile. L-uffiċju qal li ħadd m’għandu jersaq lejn il-kosta minħabba mewġ kbir li jista’ jkun hemm kif ukoll jekk wieħed jimxi jew isuq taħt is-siġar irid joqgħod attent minħabba li jistgħu jaqgħu diversi siġar.

Matul il-ġurnata tas-Sibt mill-inqas 140 titjira madwar ir-Renju Unit kellhom jitħassru l-aktar f’Edinburgh, Manchester u Birmingham. Konsegwenza ta’ dan eluf kbar ta’ passiġġier kellhom jagħmlu sigħat twal fl-ajruporti ma jafux meta jistgħu jaqbdu t-titjira li jmiss.

Uffiċjali fil-pajjiż qalu li l-għargħar mistenni jolqot b’mod partikolari l-Kosta tal-Punent u din it-twissija tkompli anke fil-bidu tal-ġimgħa hekk kif il-maltemp imbgħad mistenni jimxi f’direzzjoni oħra.

Ekonomija

Sport