Wednesday, July 24, 2024

“Il-Malti huwa lingwa nazzjonali ta’ Stat Membru u mhux inferjuri għal lingwi oħra”- Alex Agius Saliba

Aqra wkoll

“Il-Parlament kellu għoxrin sena, minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, sabiex jgħammar lilu nnfisu biex jipprovdi servizz ta’ traduzzjoni għal lingwa Maltija.  Il-Malti huwa lingwa nazzjonali ta’ Stat Membru u mhux inferjuri għal lingwi oħra.” Dan iddikjarah, l-MPE Laburista Alex Agius Saliba fil-Parlament Ewropew, hekk kif qajjem point of order sabiex joġġezzjona bis-saħħa għal proposta sabiex tiġi estiża deroga li permezz tagħha l-Parlament Ewropew jista jonqos milli jittraduċi diskorsi bil-Malti fil-kumitati u laqgħat ta’ delegazzjonijiet u milli jittraduċi leġislazzjoni għall-Malti.  

Dan ifisser li minħabba l-istess deroga, kelliema Maltin jkollhom jitkellmu bl-Ingliż fix-xogħol tagħhom f’dawn il-kumitati parikolari. Agius Saliba kkritika wkoll in-nuqqas tal-Parlament Ewropew milli jappunta kap għal kabina ta’ tradutturi tal-lingwa Maltija.  

Din mhijiex l-ewwel darba li l-MPE Laburista u Viċi-President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi ħa azzjon dwar it-trattament tal-lingwa Maltija mill-istituzzjonijiet Ewropej.  Dan hekk kif, fl-2023, huwa kien fetaħ każ kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tagħżel analista ekonomiku fi ħdan l-uffiċċju tal-European Semester Officer f’Malta li ma jitkellimx bil-Malti, liema każ li nstema quddiem l-Ombudsman intrebaħ minnu. 

L-MPE Laburista ta’ prijorita kbira lill-protezzjoni tal-kultura u t-tradizzjonijiet Maltin fil-kampanja sabiex jerġa jiġi elett fil-Parlament Ewropew, li ġiet imnedija nhar s-Sibt li għadda.  Wara l-vot fil-Parlament Ewropew l-MPE kkummenta u sostna li se jkompli jaħdem fit-taqbida tiegħu sabiex jiġu rikonoxxuti l-valuri, l-kultura u l-identità tagħna u sabiex niżgura li Malta u sabiex il-Maltin jiġu ttrattati bħal pajjiżi u ċittadini Ewropew oħra.  

Temm jgħid; “Il-lingwa u l-identità tagħna mhux inferjuri. Nsejjaħ lir-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew mill-partiti politiċi kollha sabiex f’dawn il-każijiet nadottaw pożizzjoni komuni”.

Ekonomija

Sport