L-ewwel sena tal-ewwel mandat li l-poplu ta’ lill-Prim Ministru Robert Abela hija ġġudikata bħala pożittiva mill-maġġoranza assoluta tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan jirriżulta minn stħarriġ tal-iStatistiku Dr Vincent Marmara li fi stħarriġ f’għeluq is-sena tal-gvern, li l-ewwel parti tiegħu kienet ippubblikata nhar il-Ħadd li għadda, staqsa “kif tiddeskrivi l-ewwel sena ta’ Gvern ġdid immexxi minn Robert Abela?”
50.2% minn dawk li wieġbu l-istħarriġ iddeskrivew din l-ewwel sena bħala waħda pożittiva. Kienu 34.8% li ddeskrivew l-ewwel sena bħala negattiva filwaqt li 15.0% m’esprimewx pożizzjoni.
Dawk li vvotaw lill-Partit Laburista jqisu l-ewwel sena bħala pożittiva b’mod b’saħħtu ħafna tant li kienu 81.0% li ddikjaraw din il-pożizzjoni, filwaqt li 9.1% qalu li hija negattiva. 10.0% qalu li ma jafux.
Sinjifikanti ħafna li dawk li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni ġenerali jqisu wkoll l-ewwel sena bħala pożittiva fil- maġġoranza tagħhom. Fil-fatt 49.4% jgħidu li kienet sena ta’ ħidma pożittiva u 32.5% qalu li kienet negattiva. 18.2% qalu li ma jafux.
Dawk li ma qalux lil min ivvotaw fl-aħħar elezzjoni ġenerali ukoll iddeskrivew l-ewwel sena ta’ ħidma f’din il-leġiżlatura bħala waħda tajba. 46.8% wieġbu b’dan il-mod, filwaqt li 26.2% qalu li kienet negattiva u dawk li qalu ma nafx kienu 27%.
Dawk li vvotaw lill-Partit Nazzjonalista huma dawk li l-iktar qalu li ma kinetx sena tajba. 70.4% wieġbu f’dan is-sens filwaqt li 12.8% ġġudikaw l-ewwel sena bħala tajba u 16.8% ma weġbux.
L-istħarriġ b’kampjun ta’ elf persuna seħħ fl-eqqel tal- kontroversja dwar l-isptarijiet. Dan l-istħarriġ wera wkoll li Robert Abela hu fdawt bi 18.5% iktar minn Bernard Grech u li d-differenza bejn il-partiti politiċi hija ta’ 9.7% favur il-Partit Laburista.