Sunday, May 19, 2024

Fiduċjuż li l-kunċett tal-menstrual leave jista’ jinfirex fuq livell Ewropew

Il-Kap Eżekuttiv ta’ WFDM Ltd jisħaq li pajjiżna għandu jevalwa t-tajjeb ta’ pajjiżi oħra biex ikompli jikber soċjalment

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem, proprju fil-Jum Internazzjonali tal-mara, il-Kumpanija WFDM Ltd saret l-ewwel kumpanija f’Malta li introduċiet il-menstrual leave. Il-menstrual leave jew kif nafuh f’terminu aktar użat, period leave se jkun qiegħed jippermetti lill-ħaddiema nisa li ma jkunux f’pożizzjoni li jaħdmu minħabba uġigħ esaġerat, normalment fl-ewwel jumejn tal-period. Ftit tal-ġimgħat ilu l-Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar ukoll kienet tkellmet dwar dan il-kunċett fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna. B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni meħuda minn WFDM, Cutajar fakkret li dan huwa kunċett li diġà daħal fis-seħħ f’pajjiżi oħra, però li sfortunatament kien hemm ħafna li żebilħu kemm lilha personali, kif ukoll il-kunċett. Talk.mt żar l-uffiċċini tal-kumpanija WFDM f’Ta’ Xbiex fejn tkellimna mal-persuni wara din id-deċiżjoni, kif ukoll xi ħaddiema affettwati minnha.

Kumpanija relattivament ġdida tagħżel li tkun l-ewwel li tagħmel il-pass

L-idea għat-twaqqif tal-kumpanija WFDM bdiet fl-2020 u ftit xhur wara 2021 beda l-proċess tal-liċenzjar tal-kumpanija. Bdiet il-kuntatt ma’ Wolt wara diskussjonijiet bejn il-partijiet kien hemm ftehim li l-kumpanija tieħu f’idejha 60 fil-mija tal-loġistika, inklużi riżorsi umani kif ukoll fejn jidħol l-operat tal-vetturi tagħhom u manutenzjoni fost affarijiet oħra. Ftit ftit bdiet tikber il-kredenzjalità tagħhom u sar ftehim ma kumpaniji Maltin, fejn huma bdew iġibu in-nies minn barra biex jaħdmu, b’ammont minnhom li jibqgħu reġistrati magħhom u oħrajn li jitqassmu skont talbiet ta’ kumpaniji oħra li jkunu qegħdin jitolbu għall-ħaddiema.

“Il-ħaddiema jinġiebu skont id-domanda bħalma huma cleaners u xufiera tat-taxis fost diversi pożizzjonijiet oħrajn”, beda biex jispjegalna l-Kap tas-Sales u l-Marketing David Muscat Fenech Adami hu u jispjegalna dwar iż-żewġ forom prinċipali ta’ kif joperaw. Qalilna li hemm żewġ metodi:

David Muscat Fenech Adami

Il-kumpanija titlob biex huma jieħdu ħsieb ir-reklutaġġ billi jfittxu kandidat, jagħmlu tliet interviews u finalment  interview mal-kandidat u l-kumpanija li tkun qiegħda tagħmel id-domanda. Jekk il-kumpanija tkun tixtieq tħaddem lill-kandidat, huma jibatu l-informazzjoni lill- kumpanija u jieħdu ħsieb il-proċess tar-reklutaġġ bħalma huma dokumenti, etċ huma.

Tieni tip hija sub-contracting, kumpaniji jagħmlu talba għal ammont ta kandidati u jkunu reġistrati taħt il-kumpanija tagħhom, u bħala WFDM tieħu ħsieb il-kandidati għax dawn ikunu reġistrati fil-kotba tagħhom.

“Nies kompetenti li ġibna saħħew il-kredibbiltà tagħna”

“Aħna naċċertaw ruħna li n-nies li nġibu jkunu kompetenti. In-nies li nġibu aħna jiġu kollha minn Dubai u hemmhekk hemm ċertu liġijiet stretti. Naraw li fuq kollox ikollhom kondotta nadifa. Barra minn hekk jekk ikollna sejħa per eżempju minn kumpanija kbira Maltija għat-trasport, naraw li jekk jitolbu ħames snin esperjenza, kemm jista’ jkun dawk li nġibu jkollhom iżjed esperjenza biex nkunu ċerti li dawk li jkunu qegħdin jaħdmu, jkunu jafu x’inhuma jagħmlu. Ovjament importanti li jkunu jafu l-Ingliż”, spjega David.

Uħud kontra minħabba “spejjeż żejda”, ħafna oħrajn qegħdin jikkoperaw

10 mis-16-il persuna li jaħdmu fl-uffiċini tal-kumpanija huma nisa, barra minn hekk il-kumpanija tħaddem aktar minn 200 persuna oħra f’dawn is-sub contracts. Għalkemm ħafna mill-postijiet huma mimlija mill-irġiel, hemm madwar 30 ħaddiema nisa oħra li kollha se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn din il-policy.

Fenech Adami rrimarka li l-mistoqsija brillanti wara din il-Policy hija jekk din hijiex se tapplika għall-ħaddiema kollha jew aħjar hijiex xi ħaġa vijabbli. Huwa qalilna li din hija xi ħaġa li ma ħarġitx mill-gvern u mhux il-kumpaniji kollha tas-sub contracts lesti li jilqgħu minnufih il-policy minħabba raġunijiet varji.

Dwar dan kellimna aħjar il-Kap Eżekuttiv Mantvydas Matthew Narusevicius fejn spjega li ma setax jonqos li jkollhom reazzjonijiet varji, però għalkemm hemm sidien ta’ kumpaniji li għadhom xettiċi minħabba li din il-policy se ġġib magħha spejjeż li jistgħu jitqiesu bħala żejda, oħrajn mhix sostenibbli għalihom minħabba stabbilimenti li jaħdmu b’maġġoranza ta’ nisa hemm oħrajn li qegħdin jippjanaw kif jistgħu jimplimentawha aktar ’il quddiem.

Narusevicius qal ma’ dan is-sit li kollox beda minn ħsieb li kellha l-mara tiegħu u li għalih, is-suġġerimenti tagħha fejn jidħol negozju dejjem kellhom valur importanti biex kompla jtejjeb il-kredibbiltà tiegħu u jistabilixxi f’Malta. 

Il-pjanijiet ilhom li bdew … il-kelma tal-Onorevoli Cutajar kienet l-imbuttatura f’waqtha

Id-diskussjonijiet kien ilhom li bdew iżda wara li l-Onorevoli Rosianne Cutajar tkellmet fil-Parlament bħal tathom dik l-imbuttatura li kien hemm bżonn, ġie mħejji l-abbozz u ħarġu minnufih bl-aħbar li l-kumpanija tagħna se tkun l-ewwel kumpanija f’Malta li se toffri dan il-benefiċċju. Qalilna li bħala imprenditur li anke mexxa numru ta’ kumpaniji u negozji, ikollu jammetti li mhux kull industrija se tkun tista’ timplimenta din il-policy b’mod sħiħ. 

“Konxju li ċertu industriji jiddependu min-nisa. Immaġina sitwazzjoni fejn ikollok affarijiet li jiġru f’daqqa. Ejja nieħdu każ ta’ forn li jrid joffri prodotti friski ta’ kuljum, il-forn ma jistax jagħlaq minħabba din ir-raġuni. Irridu nammettu li ċertu okkażjonijiet se jkunu suġġetti għall-każ u l-industrija konċernata. Il-pożizzjoni tagħna hija ċara, il-ħaddiema tagħna kollha se jibbenefikaw”, tenna Narusevicius.

Jemmen li l-policy tista’ tinfirex anke fuq livell Ewropew

Huwa saħaq li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u li dan il-pass tagħhom għadu biss il-bidu ta’ xi ħaġa li jemmen, li b’persuni bħalma huma l-Onorevoli Rosianne Cutajar u l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, tista’ tmur fuq skala ikbar mhux biss nazzjonali iżda anke fuq livell Ewropew billi jkun hemm Direttiva Ewropea dwar dan. 

Hawnhekk ta’ min jgħid illi ftit jiem ilu Spanja  saret l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li daħħlet liġi favur li jingħta dan il-benefiċċju.

Huwa jinsab determinat li jkellem lill-awtoritajiet konċernati biex iressaq il-punt li din hija xi ħaġa naturali. Qal li għalkemm hemm min ma jaqbilx miegħu hemm sitwazzjonijiet oħra fejn l-irġiel hemm bżonn ukoll li jiġu rikonoxxuti aħjar bħalma huwa l-leave tal-paternità. Saħaq li għalkemm f’pajjiżna għal ħafna snin, il-mara kienet tieħu ħsieb il-familja, wasal iż-żmien li l-missier ikollu iktar ġranet biex hu wkoll jkun attiv fl-ewwel jiem tat-twelid ta’ tarbija ġdida. Huwa spjega li fl-opinjoni tiegħu, is-saħħa tar-rappreżentanti tal-politika toħroġ minn kemm verament wieħed jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu. Fakkar kif kull persuna, irrelevanti mill-ġeneru, tista’ twassal għal bidla li ttejjeb il-ħajja kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel. Innota kif il-MEP David Casa kien imbotta biex il-leave tal-paternità llum il-ġurnata żdied minn jum għal għaxart ijiem. 

Tkellem ukoll dwar l-fatt li n-nisa f’pajjiżna f’ċerti oqsma jitħallsu inqas mill-irġiel, bħala kumpanija WFDM jagħżel li jħallas lill-impjegati skont il-progress u l-kontribut li jkunu qegħdin jagħtu biex l-istess kumpanija timxi ’l quddiem u dan mingħajr ma jkun hemm distinzjoni bejn l-irġiel u n-nisa. Huwa qal li din l-attitudni ġejja minn diversi snin li għex f’Londra fejn il-ġeneru huwa rrelevanti hemmhekk u li fl-opinjoni tiegħu kull persuna għandha d-dritt tgawdi l-ħajja bl-istil ta’ ħajja li tixtieq, f’ħajja li hija pjuttost qasira.

Alina Terletchi –  Sales and Marketing Team

Ninsab verament kburija li l-kumpanija tagħna hija l-ewwel kumpanija f’Malta li qiegħda timplimenta din il-policy. Din id-deċiżjoni tfisser ħafna għalija, tagħmilni kburija li jiena mara u ninsab verament kuntenta li għandi din l-opportunità. 

Julia Azzopardi –  Sales and Marketing team

Għalija hija deċiżjoni pjuttost importanti. Meta tkun mara tipo tgħaddi minn dawn l-affarijiet u l-ewwel u t-tieni ġurnata dejjem ikunu xebgħa wġigħ u stress. Hija ħaġa tajba ħafna li nkunu nistgħu naħdmu mid-dar jew ikollna leave. Kien hemm ħafna li semmewhieli u nħossni kburija li naħdem f’din il-kumpanija li qiegħda timplimenta din il-proċedura.  

Sport