Sunday, November 24, 2024

Il-Maltin u anke l-barranin għadhom isumu… iż-żgħażagħ mhux daqstant

Ristorant tal-ħut f’San Pawl il-Baħar iżid il-bejgħ bi kważi t-tripplu fil-Ġimgħa l-Kbira

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Għada niċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira, il-jum li fih infakkru l-mewt ta’ Kristu u fih il-Knisja Kattolika titlob lir-reliġjużi biex isumu, dan b’mod speċjali billi ma jikkonsumawx laħam. Dari dan is-sagrifiċċju kien isir minn kważi kulħadd u minflok laħam, l-aktar platt popolari kien ikun dak tal-ħut.

Din l-alternattiva fi żmien ir-Randan u l-Ġimgħa Mqaddsa għadha popolari tant li f’dawn iż-żminijiet ristorant li jservi varjetà ta’ ħut, bl-aktar popolari jkun il-“fish and chips”, ikun bieżel ħafna hekk kif ibigħ bi kważi t-tripplu minn dak tas-soltu. Sid dan il-ħanut – “Fins and Gills Fish and Chips, David Borg ta’ 33 sena, iltaqa’ magħna fejn qalilna li f’dawn iż-żminijiet liturġiċi jinnota differenza fil-klijentela tiegħu.

“Fil-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira n-nies jaqilbu għall-ħuta u dan jiġri fost varjetà ta’ nies. Il-Maltin jiġu l-aktar fil-ġurnata li fiha jsir is-sawm imma l-ħut huwa ikel universali. Tista’ tgħid li kulħadd iħobbu. Jiġu jieklu hawn anke Taljani, Għarab, Eġizzjani u Ingliżi. Ikollna minn kollox,” spjega Borg li huwa wkoll minn San Pawl il-Baħar.

Mistoqsi jekk jarax li ż-żgħażagħ tagħna jimxu mal-użanza li ma jieklux laħam fi ġranet partikolari ta’ sawm, huwa qalilna li, “sfortunatament, illum il-ġurnata m’għadhomx daqstant jagħmlu dan it-tip ta’ sagrifiċċju”.
Miegħu kien hemm Victor Castillo, ħabib li ilu jafu miż-żmien li kienu studenti fis-Sekondarja u llum il-ġurnata jaħdem miegħu. Min-naħa tiegħu Castillo li jieħu ħsieb il-kċina fejn tul is-snin baqa’ jara kif dejjem jagħmel riċetti u taħlit aħjar, ikkonferma li fil-Ġimgħa l-Kbira jaraw ħafna aktar nies.

“Minħabba li d-domanda hija akbar minn kemm għandna postijiet fejn ipoġġu, aħna noffrulhom li jieħduh take away. Il-klijenti, f’dawn iż-żminijiet jiżdiedu ħafna u nkunu bieżla sew. Kull Ġimgħa Kbira tkun impenjattiva u din is-sena qegħdin nistennew li tkun l-istess,” temm jispjega Castillo.

Sadanittant, kemm Borg kif ukoll Castillo awgura l-Għid it-Tajjeb lil kulħadd.

Sport