Friday, April 26, 2024

ID-DRITT LI TIRRIFJUTA LI TAĦDEM F’XOGĦOL INSIGUR

Aqra wkoll

Illum, minħabba l-mod kif kibret l-ekonomija u l-mod kif żviluppat is-soċjetà tagħna, qegħdin naraw ħafna ħaddiema jaqilgħu l-ħobża ta’ kuljum fostna. Dritt sagrosant, l-istess kif hu dritt sagrosant li dawn l-istess ħaddiema ikunu stmati daqs il-ħaddiema Maltin u jitħaddmu skont il-liġijiet Maltin.

Hawn ħaddiema li huma mħassbin dwar in-nuqqas ta’ livell ta’ sigurtà li huma jħossu li għandhom biex ikunu protetti fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. Hawn ħaddiema li meta titkellem magħhom jgħidulek li ma jistgħux jitkellmu għax jibżgħu li jintbagħtu lura jew jitkeċċew. Realtà li twassalhom biex jaċċettaw kull ma jingħata lilhom. Dawn huma ħaddiema li ħafna drabi ma ssibhomx imseħbin f’unions.

Dawn huma ħaddiema li minkejja drittijiet u sistemi biex jirrappurtaw, qiegħed jiġri li qegħdin jibqgħu jaħdmu b’mod insigur. Il-biża’ tagħhom hi dejjem li rapport iwassal biss biex huma jispiċċa ibatu l-konsegwenzi. Dritt hu xi ħaġa li moralment jew legalment inti kun intitolat għalih jew li tkun intitolat li tagħmel. Mhux il-ħaddiema kollha fid-dinja għandhom id-dritt li jirrifjutaw xogħol li jkun ta’ periklu għal saħħithom għax ma jkunx hemm sigurtà. Minkejja dan meta l-ħaddiema jkun organizzati f’unions, hemm id-dritt morali li jirrifjutaw li jaħdmu f’xogħol insigur.

Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani tan-Nazzjonijiet Uniti, tgħid ċar u tond li kull persuna għandha id-dritt għal ħajja, għal-libertà u għas-sigurtà.” Imkien ma tgħid li dawn id-drittijiet jisparixxu fuq il-post tax-xogħol. Id-dritt ta’ kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol huma msemmijin fl-istess dikjarazzjoni.

L-Organizzazzjoni Internazzjonal għax-Xogħol (ILO) fil-konvenzjoni tas-sena 1981, jingħad li kull stat membru b’konsultazzjoni ifasslu u jimplimentaw politika nazzjonali fuq is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Hemm imbagħad artiklu ieħor fl-istess konvenzjoni li jgħid li l-ħaddiem għandu jirrapporta fejn iħoss li hemm insigurtà fuq il-post tax-xogħol u jekk is-sit ma jirrimedjax, l-istess sid ma jistax jimponi fuq il-ħaddiema li jaħdmu dak ix-xogħol li jkun insigur.

F’pajjiżna għandna diversi minn dawn il-ħaddiema. Il-messaġġ tagħna lejhom hu wieħed – fittxu l-protezzjoni.

Sport