Saturday, December 28, 2024

Il-MAM tappella biex jitwaqqfu l-attivitajiet tal-massa; Twissi li lesta tiddikjara tilwima industrijali

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ngħaqdet ma’ bosta assoċjazzjonijiet oħrajn tappella lill-Gvern biex iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa fosthom parties u marċi tal-festa. Il-MAM saħansitra saħqet li huwa t-tħassib tagħha li l-agħar għad irid jiġi. Fin-nuqqas ta’ dan hija tenniet li ma jifdlilha l-ebda alternattiva għajr li tiddikjara tilwima industrijali u tordna direttivi.

Fi stqarrija l-MAM qalet li wieħed kien jistenna li l-ftuħ tal-ajruport għal pajjiżi li huma meqjusin f’riskju għoli u l-inkoraġġiment tal-iżvolġiment ta’ attivitajiet tal-massa kienet se tkun “bomba tal-ħin”. Fl-istess waqt l-assoċjazzjoni qalet li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu abbażi ta’ xhieda xjentifika u mhux fuq kunsiderazzjonijiet populisti. Hija rrimarkat li intant assigurazzjonijiet fuq vjaġġar mhumiex qed ikopru spejjeż marbutin ma’ kura għall-Covid-19.

Il-MAM ikkundannat ukoll bla riserva l-eżempju ħażin li ngħata mill-Gvern dwar l-organizzaw ta’ kunċert fejn ma ttieħdu assolutament l-ebda miżuru ta’ social distancing hekk kif irrakkomandat mill-uffiċċju tas-supretendent tas-saħħa pubblika.

Tenniet li s’issa l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea ma awtorizzat attivitajiet tal-massa, filwaqt li diversi pajjiżi membri tal-UE issa qed jikkunsidraw li jniedu kontrolli aktar stretti fuq vjaġġar mill-ajru.

Il-MAM saħqet li għaldaqstant jekk ma jittiħdux deċiżjoni biex tiġi protetta s-saħħa tal-poplu Malti, ma kien se jibqgħalha l-ebda alternattiva oħra għajr li tiddikjara tilwima industrija u tordna direttivi bix tipproteġi s-saħħa tal-membri tagħha u l-familji tagħhom “mill-perikli u l-konsegwenzi ta’ deċiżjonijiet illoġiċi meħudin f’isem il-profitt u l-populiżmu”.

Ekonomija

Sport