Friday, November 15, 2024

Il-manifattura qed tiddiversifika u toħloq opportunitajiet ġodda għal uliedna

– il-Prim Ministru Robert Abela bi żjara fi Trelleborg ta’ Ħal Far

Aqra wkoll

Il-qasam tal-manifattura qed ikompli jissaħħaħ u jiddiversifika f’oqsma ġodda li qed iwasslu għal karrieri aħjar għal uliedna f’oqsma innovattivi bħar-robotika u l-inġinerija speċjalizzati, li qed isseħħ f’pajjiżna. Dan qed juri li l-ekonomija ta’ Malta qed tiddiversifika anke permezz ta’ għajnuna li l-Gvern joffri lil dan il-qasam li jimpjega eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan qed iwassal biex il-manifattura llum hija storja ta’ suċċess għal pajjiżna għax qed tagħraf tinvesti fl-innovazzjoni u l-qalba ambjentali xprunata mill-abbiltà u l-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin, li llum jinsabu fit-tmun ta’ dan l-investiment dirett barrani.

Fi żjara li għamel fil-fabbrika ta’ Trelleborg Sealing Solutions, fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-pjan ta’ din il-kumpanija, b’aktar minn 60 sena ta’ storja f’pajjiżna, li tkompli tinvesti mal-€14-il miljun fis-sentejn li ġejjin biex l-operat tagħha jkun wieħed aktar nadif. Fil-fatt l-investiment addizzjonali f’makkinarju sostenibbli fl-industriji tal-bijoteknoloġija u l-farmaċewtika u s-semiconductors fost oħrajn, ġej wara li l-kumpanija qed tespandi b’aktar minn 6,000m2 ta’ spazju addizzjonali fosthom 4,000m2 ta’ spazju għall-produzzjoni. Dan wara li rċeviet għajnuna mill-Malta Enterprise u INDIS Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela żar iż-żona fejn qed jinbena l-ispazju addizzjonali u nnota kif f’dan il-post qed ikomplu jinħolqu karrieri ta’ kwalità skont il-prijoritajiet il-ġodda li għandu l-pajjiż. “Ifisser li nistgħu nibqgħu nipprogressaw u jinħolqu impjiegi li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar iżda b’bidliet ambjentali li jagħtu wkoll opportunità ekonomika,” saħaq il-Prim Ministru Abela.

F’diskussjoni li kellu mal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol, Dr Abela nnota l-avvanz fil-karrieri ta’ bosta ħaddiema, b’wieħed mill-ħaddiema, Ryan Carabott, żagħżugħ ta’ 27 sena, illum imexxi tim ta’ nies wara li daħal it-Trelleborg b’apprentistat. L-inġinier Neal Borg ukoll beda mal-istess kumpanija jaħdem fl-inġinerija u llum imexxi l-fabbrika bħala General Manager. Hawn ġie rrimarkat dwar il-ħtieġa tat-titjib tal-ħiliet biex il-ħaddiema jibqgħu jipprogressaw, xi ħaġa li l-kumpanija tagħmel b’mod intensiv biex tipprepara l-impjegati tagħha fil-produzzjoni ta’ prodotti tal-futur li jagħtu l-opportunità biex dawn l-istess prodotti minn Malta jidħlu fi swieq internazzjonali ġodda u innovattivi.

Preżentement il-kumpanija tħaddem kważi sitt mitt ruħ f’Ħal Far u fil-Marsa u hija stabbilita bħala ċentru t’eċċellenza fil-manifattura u fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni kemm f’pajjiżna u anki fil-Grupp ta’ Trelleborg. Il-grupp jirreġistra bejgħ annwali ta’ madwar tliet biljun ewro kull sena. Trelleborg temmen ukoll li f’Malta teżisti klima li l-industriji li tispeċjalizza fihom, jistgħu jkomplu jikbru.

Fiż-żjara l-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat ukoll mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri.

Ekonomija

Sport