Tuesday, December 17, 2024

“Il-manutenzjoni tal-iskejjel baqgħet għaddejja anke fix-xhur tas-sajf”- il-Ministru Clifton Grima 

BIDU TA’ SENA SKOLASTIKA ĠDIDA

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Wara li t-Tnejn li għadda daħlu fil-post tax-xogħol tagħhom 8,237 edukatur fl-iskejjel tal-Istat, illum jidħlu wkoll biex jibdew sena skolastika ġdida 29,086 student u studenti mifruxa mill-ewwel sena tal-primarja sal-ħdax-il sena tas-sekondarja. 5,911-il student fil-livell ta’ kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fl-1 ta’ Ottubru li ġej. 

Dwar il-bidu tas-sena skolastika ġdida, tkellimna mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima. Il-Ministru Grima spjegalna li l-ħidma biex tibda din is-sena ġdida akkademika bdiet eżatt ma’ tmiem is-sena skolastika li għaddiet.

“Ikun hemm ħafna preparamenti għaddejjin fuq diversi livelli. Bħala infrastruttura naraw li eżatt kif joħorġu l-istudenti u l-edukaturi mill-iskejjel, jidħlu l-ħaddiema tagħna biex jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ. L-aspett tal-ambjent edukattiv nagħtuh importanza kbira. Ħidma intensiva biex nippreparaw għas-sena skolastika li se tibda propju llum. B’hekk dan ix-xogħol kollu li jsir matul il-jiem tal-vaganzi tas-sajf wassal biex niżguraw li dak kollu meħtieġ, kemm jekk akkademiku, kemm jekk xogħol infrastrutturali kif ukoll xogħol amministrattiv, iwassal għall-ftuħ ta’ sena oħra akkademika b’dak kollu meħtieġ kemm għall-edukaturi u wkoll għall-istudenti”, qalilna l-Ministru Grima.

Huwa spjega li kien hemm eżerċizzju kbir biex ikun żgurat li l-klassijiet fis-snin kollha tal-iskejjel tal-Istat ikollhom l-edukatur tagħhom fis-suġġetti kollha. Apparti dan, il-Ministru Grima spjegalna wkoll xogħol importanti ieħor li sar matul is-sajf. “Xogħol kbir ieħor kien fis-settur diġitali u teknoloġiku biex dejjem inkomplu ntejbu l-esperjenza edukattiva”.

Il-Ministru Grima nhar it-Tnejn li għadda żar lill-edukaturi li daħlu biex jagħmlu l-aħħar preparamenti biex illum jidħlu l-istudenti. Filwaqt li llum ukoll tenna l-awguri lill-edukaturi, awgura wkoll lill-istudenti. “Nawgura lill-istudenti kollha li se jibdew sena skolastika oħra li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-għan li tagħtihom l-opportunitajiet kollha possibbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali ta’ kull wieħed u waħda minnhom”, qalilna l-Ministru Clifton Grima.

Ekonomija

Sport