Saturday, December 21, 2024

Il-Mara Omm

Josianne Cutajar
Josianne Cutajar
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Kif tista’ tiddeskrivi l-Omm? Propju f’dawn il-jiem rajt karikatura li ġġiegħlek taħseb ftit mhux ħażin. U bir-raġun! Żewġt itfal ħdejn ommhom, jgħidulha, “Ma, ħaqqek brejk. Ġibna xi nies biex jagħmlu dak li tagħmel int magħna, sakemm tkun fuq dan il-brejk”. U serbut twil ta’ persuni deħlin fid-dar, kollha bil-mestier partikolari tagħhom, li magħqudin flimkien tagħmel l-Omm waħedha. Daqshekk hija importanti u daqshekk għandha rwol f’ħajjitna l-Omm.

U rridu nsellmu l-Omm li matul din l-aħħar sena u fuqhom, miżjud mal-impenji kollha tagħha, kellha wkoll l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija. F’era fejn il-missier dejjem qed jidħol aktar fil-ħajja li snin ilu kienet biss ir-responsabbiltà tal-Omm, xorta tibqa’ l-Omm il-pedina importanti li tgħaqqad il-familja u l-bżonnijiet li l-familja teħtieġ.

Matul iż-żminijiet rajna tibdil kbir fir-rwol tal-Mara, tal-Omm. Is-soċjetà m’għadhiex tara l-Omm bħala l-persuna marbuta mad-dar, li xogħolha huwa biss it-trobbija u l-faċendi. Ir-rwol tal-Omm inbidel, filwaqt li żammet ukoll dak li jiddefenixxi Omm.

Hemm ukoll l-isfidi. Hemm sfidi li ntgħelbu, imma hemm sfidi wkoll li għad irridu naraw li nindirizzaw.

Gvern Laburista daħħal diversi miżuri f’pajjiżna fis-snin riċenti li kienu ta’ għajnuna biex il-mara tista’ tkun parteċipi fis-suq tax-xogħol flimkien mal-attenzjoni lejn il-familja tagħha. Bla dubju l-ftuħ taċ-Ċentri għall-Ħarsien tat-Tfal kien pass li jitqies bħala ċavetta importanti għal diversi ġenituri li jkunu jridu jkomplu bix-xogħol tagħhom jew jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol filwaqt li jibbilanċjaw dan b’mod aħjar mat-trobbija u x-xogħol tad-dar. 

Sfida oħra li ħa azzjoni fuqha dan il-Gvern, minkejja l-irwiefen kollha li qamu, kienet dik tad-dħul tal-IVF f’pajjiżna. Ħbieb tiegħi u persuni oħra li l-ħajja politika laqqgħetni magħhom qasmu esperjenzi diffiċli li affaċjaw meta ma setax ikollhom tfal iżda wkoll l-ferħ ta’ meta, – grazzi għall-IVF – saru ommijiet. 

Hawn xtaqt ukoll insellem lil dawk in-nisa li huma ommijiet addottivi. Dawk in-nisa li l-istint matern tagħhom ma jħalluhx fid-dlam ta’ qalbhom, minkejja li ma jkollhomx l-ulied bijoloġiċi tagħhom. Hemm ħafna nisa li saru ommijiet addottivi, hemm nisa li l-istint matern joħorġuħ fil-beraħ ma’ tfal li forsi ma sabux xorti mal-ommijiet naturali tagħhom. U hawn insellem ukoll lil dawk is-sorijiet li jinsabu fi djar jieħdu ħsieb it-tfal daqs li kieku huma uliedhom stess, kif insellem il-foster parents u dawk kollha li jaddottaw l-ulied. U anki hawn daħal il-Gvern Laburista b’miżuri u għajnuniet biex jgħin lil dawk il-koppji li addottaw, jew li jridu jaddottaw. Hemm ukoll l-għajnuna li tingħata lil dawk li jiftħu djarhom biex jieħdu ħsieb tfal oħra daqs li kieku kienu uliedhom stess.

Imma hemm ukoll sfidi oħra li ma rridux ninsew. Sfidi li dejjem kienu hemm u li l-pandemija ġabet aktar fil-wiċċ. Sfidi marbuta ma’ vjolenza domestika nkluż dik li mhix fiżika. Sfidi marbuta mal-firda li l-COVID ġabet bejn familji u ommijiethom li fl-età tenera tagħhom jinsabu fi djar tal-anzjani. Sfidi marbuta ma’ ommijiet li jinsabu rikoverati minħabba s-saħħa mentali tagħhom. Sfidi li flimkien irridu naħdmu biex inkomplu ngħelbu.

Propju f’dawn il-jiem rajna aktar ħidma f’dan il-qasam. Il-ftuħ ta’ Sala ġdida f’Monte Carmeli għal dawk in-nisa u ommijiet li għandhom problemi ta’ droga u saħħa mentali. Sala ddedikata lit-Tabiba Maria Sciberras, li ħajjitha ddedikata propju f’ħidma intensiva ma’ dawk li kienu għaddejjin minn problema ta’ droga. Pijuniera f’dan il-qasam.

Ma rridx ninsa x-xogħol kbir li ħafna ommijiet, b’sagrifiċċju personali, qed jagħmlu f’dawn iż-żminijiet tal-pandemija. Persentaġġ kbir minn dawk li huma meqjusa bħala frontliners huma nisa. Nisa u ommijiet. Kienu u għadhom hemm jħarsu saħħitna. Iħarsuha bl-istess mod dedikat li jħarsu lil uliedhom, xogħol li wkoll komplew għaddejjin bih f’dan iż-żmien li tefa’ aktar sagrifiċċju u piż fuqhom u fuq kulħadd.

Xogħli fil-Parlament Ewropew ser ikompli biex nara li l-Omm tingħata aktar għajnuna u appoġġ fl-isfidi li taffaċja, tingħata l-ugwaljanza, tingħata dak li huwa tagħha bi dritt.

Filwaqt li xogħol l-Omm huwa mifrux fuq il-jiem kollha tas-sena, irrid insellem lill-Ommijiet kollha f’dan il-Jum iddedikat għalihom. Infakkru wkoll il-memorja ta’ dawk l-ommijiet li m’għadhomx magħna. Ma ninsew qatt id-dedikazzjoni, is-sagrifiċji li huma għamlu ma’ uliedhom.

Fl-aħħar u mhux lanqas nawgura lill-ommi tal-għożża li rabbietni fiha, tal-paċenzja u tal-lezzjonijiet li għallmitni, talli dejjem kienet – u għadha – hemm għalija.

www.josiannecutajar.com
www.socialistsanddemocrats.eu

Ekonomija

Sport