Thursday, August 21, 2025

“Il-maratona ta’ din is-sena mhix biss dwar fondi imma dwar messaġġ ta’ tama”

- Maria Formosa

Aqra wkoll

Meta titkellem ma’ Maria Formosa, il-mara ta’ Bjorn Formosa, l-ewwel ħaġa li tħoss hi l-enerġija ta’ persuna li minkejja l-piżijiet kbar ta’ ħajja mmarkata minn sfidi, xorta waħda għandha enerġija kbira u determinazzjoni li tkompli twassal il-messaġġ ta’ żewġha.

Maria u Bjorn mhux biss huma l-ixprun li biddel il-mod kif pajjiż sħiħ jara l-mard tal-ALS, imma hi wkoll il-pilastru li jżomm lill-familja u lill-fondazzjoni wieqfa. 

Fil-jiem li ġejjin, eżattament fil-31 ta’ Awwissu, se ssir il-maratona annwali ta’ ġbir ta’ fondi għal Dar Bjorn Respite, l-aħħar biċċa tal-ħolma ta’ Bjorn u tat-tim kollu ta’ ALS Malta. Din hi aktar minn ġabra ta’ flus, hi dikjarazzjoni ta’ solidarjetà min-naħa tal-poplu Malti.

Meta dan il-ġurnal tkellem magħha u staqsejniha dwar kif sejrin it-tħejjijiet, Maria qaltli b’ton ċar u serju:

“Qed naħdmu ħafna. Kull sena l-preparazzjoni tkun kbira, imma din is-sena għandha importanza speċjali. Dar Bjorn Respite mhix biss bini, imma ser tkun l-appoġġ għal ħafna familji li bħalissa jieħdu ħsieb qrabathom id-dar. Din hi ċ-ċans tagħhom li jieħdu brejk, jistrieħu, u jafdawhom f’idejn professjonisti li joffru l-aqwa servizz. Nafu li l-fatt li hemm xi ħadd minn tal-familja li jieħu ħsieb pazjent bl-ALS mhux ċajta. Aħna se nippruvaw intaffu xi ftit mid-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, imqar għal ftit.” 

Hi spjegat kif diġà beda x-xogħol fuq is-sit, bl-ewwel tħaffir li mmarka l-bidu ta’ proġett li twieled mill-għajta tal-pazjenti stess. “Aħna ma niżirgħu xejn fil-vojt. Din kienet talba tan-nies, tal-pazjenti u l-familji tagħhom u aħna qed nagħmlu minn kollox biex noffru din is-sigurtà u dinjità.”

Din is-sena, il-kampanja ġiet immarkata wkoll minn kanzunetta uffiċjali, “Miegħek Jien”, li ġġorr magħha l-messaġġ ta’ qagħda u tama. Il-lirika “Kull fejn ser tmur… inkun miegħek jien” mhijiex biss strofa artistika, imma wegħda konkreta li Bjorn u Maria jagħmlu kuljum lil xulxin u lil kull min jgħaddi minn din l-esperjenza.

Maria tgħid: “Il-kanzunetta tirrifletti mhux biss l-imħabba bejni u bejn Bjorn, imma r-relazzjoni tagħna mal-komunità. Bjorn qatt ma ried li din tkun biss storja personali tiegħu, imma li ssir messaġġ universali għal kull min qed ibati.”

Dar Bjorn f’Ħaż-Żebbuġ illum tilqa’ 30 resident, filwaqt li dik f’Ħal Qormi jilqa’ 13-il resident ieħor. Dawn jinkludu nisa u rġiel ta’ kull età – kollha magħqudin minn sfidi newroloġiċi li ħallewhom dipendenti fuq l-għajnuna. Maria tenfasizza kif il-ħsieb ewlieni hu li kull wieħed minnhom iħossu rispettat u trattat b’dinjità.

“Meta tiġi Dar Bjorn u tara dawn ir-residenti, tifhem aħjar x’inhu dan il-mard. U, iktar minn hekk, tifhem kemm huwa prezzjuż li noffru ambjent fejn dawn in-nies mhux biss jiġu kkurati, imma jkollhom sens ta’ familja,” qalet hi. 

Maria ma setgħetx ma tesprimix il-gratitudni kbira tagħha lejn il-poplu Malti. “Kull darba li ngħidu grazzi, inħoss li qed ngħidu ftit wisq. Nies ordinarji jagħtu minn qalbhom, xi ħadd b’SMS ta’ €11, oħrajn b’ċekk jew b’donazzjoni ikbar, imma kull kontribuzzjoni hi l-istess importanti għax hi parti minn puzzle li jagħmilha possibbli.”

Filwaqt li qalet li l-fondazzjoni ma tkunx teżisti mingħajr dawn id-donazzjonijiet, hi tħeġġeġ lin-nies jattendu jew isegwu l-maratona tal-31 ta’ Awwissu biex jaraw b’għajnejhom il-ħidma u l-impatt ta’ dawn il-fondi.

Ma setax jonqos li nistaqsuha dwar ir-relazzjoni tagħha ma’ Bjorn, speċjalment fid-dawl tal-kliem li kiteb fuq Facebook: “Kif inbidlet ħajti? … Imma ma naqtgħu qalbna qatt! Miegħek jien. Għal dejjem.”

Maria tbissem b’għajnejha mimlija emozzjoni: “Bjorn hu l-ispirazzjoni tiegħi. Dak li għamel u qed jagħmel hu iktar minn miraklu. Jien inkun dejjem hemm għalih, bħalma hu jkun hemm għalija. Il-kliem tiegħu ma jgħidhomx sempliċement poeżija, imma jgħixhom kuljum.”

Il-kuraġġ ta’ Maria ġie rikonoxxut ukoll fuq livell nazzjonali. Fl-2022 ġiet imnominata u magħżula bħala l-Mara tas-Sena minn Mvintage, wara votazzjoni ta’ aktar minn 11,000 persuna. B’umiltà kbira, hi qasmet il-premju ma’ Angele Cuschieri ta’ Puttinu Cares, pass li wera l-għaqda u l-kompassjoni li tmexxiha.

Dak li jolqtok meta titkellem ma’ Maria hu li qatt ma titkellem dwarha nnifisha. Dejjem tressaq il-ħidma tal-fondazzjoni, ir-residenti, u fuq kollox l-istorja ta’ Bjorn. Għalija, ix-xogħol hu vokazzjoni li trid tgħixha b’qalb u mhux bi ħsieb ta’ karriera.

Hi temmet l-intervista b’din ir-riflessjoni: “Il-maratona ta’ din is-sena mhux biss dwar fondi – imma dwar messaġġ ta’ tama. Għax kull donazzjoni hi dawl f’dlam ta’ xi ħadd ieħor.”

Maria Formosa tibqa’ figura ta’ kuraġġ, solidarjetà u dedikazzjoni. F’kull kelma tagħha tħoss mhux biss il-passjoni iżda wkoll it-tbatija u r-reżiljenza li jġorru magħhom hi u Bjorn. Il-maratona tal-31 ta’ Awwissu hi l-aħħar kapitlu ta’ ħolma li bdiet minn mument ta’ niket u saret monument ta’ tama.

Il-kliem tal-kanzunetta “Miegħek Jien” jiġbor kollox: mhux biss wegħda bejn raġel u mara, imma bejn komunità u dawk li qed ibatu. Għax fil-verità, il-messaġġ ta’ Maria u Bjorn hu wieħed sempliċi iżda qawwi, li ħadd m’għandu jibqa’ waħdu fil-ġlieda tiegħu.

Miegħek Jien – 31 t’Awwissu
Agħti donazzjoni:
SMS 50619271 – €11.65 | Ċempel 51802018 – €25 | 51902075 – €50
BOV Mobile Pay – 79096249 | Revolut – 79209420

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport