Wednesday, December 25, 2024

Il-Marsa mixgħula b’tama li għada jkun aħjar mil-lum

Aqra wkoll

Kienu ħafna dawk li nġabru quddiem is-sede tas-Socjetà Muzikali Trinità Qaddisa tal-Marsa biex flimkien jassistu għal wirja oriġinali ta’ mużika, dwal u laser b’messaġġ ta’ rispett u solidarjetà lejn dawk kollha li  b’xi mod jew ieħor ntlaqtu mill-imxija tal-COVID-19. Fil-veru sens tal-kelma, l-Marsa xegħlet b’tama li għada jkun aħjar mil-lum.

Bħal fil-bqija tad-dinja, pajjiżna wkoll għadda minn żmenijiet diffiċli u bla preċedent. Biex nilqgħu għall-imxija tal-Coronavirus, fuq pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa ttieħdu diversi miżuri biex tkun issalvagwardjata s-saħħa tal-pubbliku. Fost dawn kien hemm il-kanċellament tal-festi tal-ibliet u rħula Maltin, fatt li ħoloq vojt  kbir fl-atmosfera ferriħija li kienet tixgħel kull lokalità tul il-jiem tal-festa tal-patruna.

Bħal f’dan iż-żmien, fil-Marsa tkun iċċelebrata l-Festa Titulari tat-Trinità Qaddisa, li għal din is-sena kienet se taħbat fil-jum litruġiku tagħha.  Bħala organizzaturi ewlenin ta’ din il-festa, is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa – AD 1949 – Marsa  ħadet ħsieb biex matul dawk li kellhom ikunu s-sebat’ijiem tal-festa, permezz tal-paġna uffiċjali tagħha fuq Facebook jixxandru dokumentarji u filmati tal-marċi brijużi u popolari li saru f’festi passati.

Inizjattiva oriġinali u ta’ min ifaħħarha kienet dik li  fit-tielet jum tat-Tridu, fejn  tradizzjonalment jiġi ċċelebrat l-akbar marċ fil-Parroċċa. Bil-koperazzjoni ta’ Spectrum Lighting, imseħbin tal-istess Soċjetà ħadu ħsieb jarmaw il-faċċata tas-sede kif soltu tintrama għall-festa tagħha u tellgħu wirja spettakolari ta’ mużika, dwal u laser bit-tema “Tama”.

Il-ħsieb kien li jitwassal messaġġ ta’ “Tama” lill-Marsin kollha kif ukoll lill-bqija tal-poplu Malti u Għawdxi, b’mod partikolari lejn kull min b’xi mod intlaqat mill-imxija tal-pandemija tal-Coronavirus

Intant, il-Kummissjoni Banda fi ħdan is-Socjetà Muzikali Trinità Qaddisa, b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija  Żgħażagħ, ipprezentat il-logo uffiċjali li se jintuża matul il-kampanja, “Notini, Żvilupp Mużikali”.

B’din l-iskema, dawk kollha interessati, b’mod speċjali tfal u żgħażagħ, qed jiġu mħeġġa jibdew jitgħallmu l-mużika  fl-Iskola tal-Mużika tal-istess Soċjetà, fejn bhalissa t-tagħlim kollu qed jingħata bla ħlas minn Mro David Joseph Sammut u l-assistent tiegħu Quentin Zammit.

Hekk kif l-istudenti jtemmu t-tagħlim tat-teorija, dawn jingħataw strument mingħajr ħlas biex b’hekk jkun jista’ jkompli jitgħallem bih. Jingħata ċ-ċans lill-istudenti jdoqqu waqt kunċert ċkejknin bħala prattika u maż-żmien joħorġu jdoqqu wkoll mal-Banda Trinità Qaddisa 

Aktar dettalji jinkisbu mill-Każin tal-Banda Trinità Qaddisa, l-Marsa.

Ekonomija

Sport