Sunday, November 10, 2024

IL-MASKRA EWROPEA DWAR IR-REFUĠJATI

Aqra wkoll

Kien proprju fl-aħħar sigħat li assistejna għal drama sħiħa. Drama kawżata minn politika inumana fil-konfront ta’ dawk l-Afrikani vulnerabbli li ħarbu mil-Libja minħabba sitwazzjoni diffiċli bit-tama li jsibu ħajja aħjar fl-Ewropa. Vjaġġ li huma jafu li hu riskjuż. Imma alternattiva m’għandhomx. Fi kliemhom stess, “jekk nibqa’ hawn, għandi ċans li nħalli ħajti hawn. Aħjar nagħmel il-vjaġġ”. Id-drama seħħet fiċ-ċentru tal-Mediterran.

L-organizazzjoni Medecins Sans Frontieres (MSF) issalva 470 immigrant. Fosthom kien hemm aktar minn 150 tfal. Jagħmlu seba’ ijiem fuq il-baħar. Talba wara oħra għal port sigur ġew injorati. Immaġinaw ftit 470 immigrant abbord bastiment. Xi sfida. Biex tieħu ħsieb il-bżonnijiet tagħhom. Ikel. Xorb. U fuq kollox iżżomm il-kalma. Ħidma li titwettaq mill-qalb minn għadd ta’ voluntieri abbord il-bastimenti immexxija minn għaqdiet non governattivi, li ħadu r-rwol li kellha l-Unjoni Ewropea, u qed isalvaw huma l-immigranti.

470 immigrant li proprju l-Ħamis li għadda filgħaxija iddaħħlu fil-port ta’ Augusta għax kienu  ngħataw permess jidħlu. Bdew jitniżżlu in-nisa u t-tfal. F’daqqa waħda, għall-ewwel darba fl-aħħar xhur jinbidel kollox. 

Tingħata ordni biex jieqaf l-iżbark. Il-bastiment jingħata ordni jbaħħar il-barra. Kienu tniżżlu 238 persuna u kien għad fadal 232 persuna abbord fosthom persuni bi ksur u kundizzjonijiet mediċi. Sitwazzjoni bħal din ħolqot tensjoni abbord. Sitt immigranti wara xi ħin qabżu l-baħar u kellhom jiġu salvati.  Sal-bieraħ kienu għadhom qed jistennew port sigur.

Din mhi xejn għajr inumanità. Ma nistgħux ma nistaqsux fejn hi s-solidarjetà Ewropea. Din l-Unjoni Ewropea li hi bbażata fuq is-solidarjetà, u li proprju twaqqfet fuq is-solidarjetà, qed narawha tkun indifferenti quddiem il-karbiet ta’ dawn il-vulnerabbli Afrikani. Konvinti moralment li dan qed iseħħ minħabba l-kulur tal-ġilda. Konvinti moralment li dan qed isir għax huma Afrikani.

X’kuntrast ma’ kif l-istess Unjoni Ewropea trattat ir-refuġjati mill-Ukrajna, li kellhom jaħarbu minħabba l-gwerra. Kienu trattati b’mod totalment differenti.  Intlaqgħu u ingħataw kull tip ta’ għajnuna u hekk għandu jkun. Fil-każ ta’ dawk ġejjin mill-Afrika, l-Unjoni Ewropea mhux talli mhux tiftaħ il-bibien imma qed tagħlaqhom u tagħmel minn kollox biex ikomplu jingħalqu. 

M’għandna l-ebda dubju li l-politika ta’ fortizza Ewropa, li hi mmexxija mill-Unjoni Ewopea falliet. Politika inumana li kull ma qed tagħmel hu toħloq aktar vittmi.

Il-politika ta’ Fortizza Ewropea hi politika li ġġiegħlek tistħi. Flok tgħin lil min hu vulnerabbli u żvantaġġġjat, flok toħloq passaġġ sigur, qed toħloq ħitan. Dawn minnhom infihom huma opportunità ġdida biex min min jitraffika isib rotot ġodda, ħafna drabi aktar diffiċli. 

Nemmnu f’moviment ħieles. Li ngħinu lil min għaddej mill-migrazzjoni.  

Nemmnu li qabel l-Unjoni Ewropea tibdel il-politika tagħha ta’ fortizza fuq il-fruntieri, mhu se jkun hemm ebda żvilupp pożittiv fuq l-immigrazzjoni. Dan ifisser li l-vjaġġi se jkomplu. It-traġedji se jibqgħu. L-imwiet u l-għarqiet se nibqgħu nisimgħu bihom. It-tbatiija bla qies li jgħadddu minnha dawn il-persuna  u tkasbir tad-dinjità tagħhom se jkomplu. 

U iva konvinti moralment li t-traġedji fil-baħar ta’ dawn il-vulnerabbli, huma fuq il-kuxjenza ta’ ħafna fl-Ewropa li m’għamlu xejn biex tinbidel din il-politika Ewropea inumana u jinħolqu passaġġi siguri.

Sport