Friday, June 20, 2025

“Il-mediċina daħlet bħala sfida ‘ġdida’ imma għalija kienet l-isbaħ avventura”

- Dr Omar Kassab M.D.

Aqra wkoll

Minn bennej għal tabib… x’kien li wasslek biex tieħu dan il-pass?

Il-vjaġġ tiegħi jmur ftit ta’ snin lura, beda bil-madum proprju hekk. Bdejt fil-kostruzzjoni, billi kont inpoġġi l-madum go djar ta nies b’passjoni u ħila (fejn sibt l-appoġġ kbir mingħand missieri). Dejjem emmint fija nnifsi li kont kapaċi għal aktar, u dik il-fidi kienet il-fjamma li wasslitni għall-pass li jmiss. Tgħallimt il-plumbing, imbagħad kif nibni u nżomm siti sħaħ, u wasalt saħansitra biex nieħu l-liċenzja u mmexxi xogħol fuq livell professjonali.

Qatt ma qiestu bħala xogħol ta’ kuljum, għalija huwa passatemp u l-post fejn inkun kuntent. 

Madankollu, kont inħoss li nixtieq nagħti aktar: mhux biss nibni bini, imma ngħin nibni ħajjiet. Il-mediċina daħlet bħala sfida “ġdida”, u għalija kienet l-isbaħ avventura; diffiċli iva, imma mimlija tagħlim u sodisfazzjon. Kollox kien parti mill-istess storja: storja ta’ tkabbir, sagrifiċċju u tama.

Il-ħajra bdiet minn ħsieb sempliċi: li nagħti iktar minn dak li kont qed nagħti. Bħala bennej kont qed nibni bini, imma kont inħossni li stajt nibni wkoll fuq il-ħajjiet tan-nies. Kont dejjem affaxxinat minn kif ġisimna jaħdem u kemm hu delikat u sabiħ fl-istess ħin. Kien hemm ukoll esperjenzi personali, bħal meta rajt xi ħadd qrib tiegħi jgħaddi minn sitwazzjoni medika diffiċli, li qanqlu fija l-passjoni li nkun hemm għall-oħrajn f’mumenti kritiċi. Dik kienet l-ispark li biddlet kollox.

Kemm huma differenti dawn iż-żewġ professjonijiet u fl-istess ħin essenzjali għas-soċjetà tagħna?

Fuq wiċċhom jidhru kompletament differenti: bennej juża idejh biex jibni strutturi, tabib juża moħħu u qalbu biex joffri kura. Imma fil-fond, hemm xebh li ħafna ma jarawx. Iż-żewġ professjonijiet jinvolvu responsabbiltà kbira, ħidma f’tim, u impatt dirett fuq is-soċjetà. Bennej jagħti spazju sigur fejn ngħixu u naħdmu, tabib jagħti saħħa u kura. It-tnejn essenzjali biex is-soċjetà timxi: wieħed jibni l-ħitan, l-ieħor joffri l-ħajja li timtela fihom.

Jiena nemmen bis-sħiħ li kull xogħol onest għandu jkun rispettat. Ħadd m’għandu jħares lejn xi professjoni bħala “baxxa”. Ħa nagħti eżempju żgħir, ħafna drabi l-persuni li jaħdmu bit-trakk tal-iscammel, jiġifieri dak li jiġbor il borża sewda minn quddiem darna, ma jingħatax il-ġieħ li jixraqlu. Imma aħna ftit nirrealizzaw kemm hu xogħol kruċjali.

Ir-rispett lejn kull professjoni għandu jibda mill-għarfien li kulħadd jagħti sehem uniku, u ħadd mhu “aħjar” minn ħaddieħor.

Naf ukoll li int għandek għal qalbek ħafna l-isport, speċjalment il-Hyrox. Kemm jgħinek dan l-isport fil-ħajja personali, speċjalment mil-lat psikoloġiku u mentali? 

Hyrox għalija mhuwiex biss sport, hu terapija. Ġiegħelni niskopri kemm il-ġisem u l-moħħ jistgħu jmorru iktar ’il bogħod milli naħsbu. Fl-istress tal-istudju u l-ħajja ta’ kuljum, Hyrox jagħtini ċ-ċans ningħaqad miegħi nnifsi. Il-mixi mal-limitazzjonijiet fiżiċi jgħallmek teżerċita l-paċenzja, il-fokus u s-sodisfazzjon li tikseb minn progress kostanti. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq isir tabib. 

Jekk qed taħseb biex issir tabib, kun af li mhijiex triq faċli u lanqas impossibbli, imma hija waħda ta’ skop u ġid. Iktar minn sempliċi karriera, hija sejħa biex tkun hemm għall-oħrajn fil-mumenti l-aktar vulnerabbli tagħhom. Jista’ jkun li xi kultant tiddubita fik innifsek, imma jekk f’qalbek hemm ix-xewqa li tagħmel differenza, imxi magħha. Ftakar: mhux min jibda perfett jasal, imma min jibqa’ miexi, juri umiltà, u qatt ma jaqtà qalbu.

Jiena m’iniex ġej minn sfond klassiku, jien bennej, naħdem bl-idejn kuljum, imma dejjem emmint li nista’ nagħmel aktar. Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi: ma jimpurtax minn fejn tibda, imma kemm tkun lest tagħmel l-ewwel pass u tibqa’ għaddej. Il-bqija jiġi b’ħin, b’ħidma u bil-qalb!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport