Friday, December 27, 2024

“Il-Mediterrane Film Festival mistenni jkompli jikber fiż-żmien li ġej”

il-Kummissarju tal-Films Johann Grech

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-ewwel edizzjoni tal-Mediterrane Film Festival ipparteċipaw fih disa’ pajjiżi mir-reġjun tal-Mediterran. Dan mistenni li jkompli jikber fiż-żmien li ġej.” Qal dan il-Kummissarju tal-Films Johann Grech f’kummenti li għadda lil talk.mt b’rabta ma’ dan il-festival li qed jittella’ bħalissa f’pajjiżna u li se jilħaq il-qofol tiegħu proprju llum il-Ġimgħa.

Grech spjega li l-Mediterrane Film Festival isservi ta’ pjattaforma importanti għal Malta biex l-industrija tal-films tkompli tikber f’pajjiżna. Qal li b’hekk jiġu attirati aktar proġetti lejn Malta u fl-istess waqt jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ karrieri. 

Huwa fisser ukoll kif matul din il-ġimgħa kienu diskussi diversi temi, li jmissu mill-qrib din l-industrija, sabiex “inkomplu nitgħallmu aktar” u b’hekk insaħħu l-prodott tagħna mhux biss hawn Malta imma wkoll il-prodott Mediterranju.

Grech irrefera wkoll għall-konferenza li saret it-Tlieta li għadda dwar l-edukazzjoni fil-films. Qal li: “Biex nibnu industrija sostenibbbli li minna jgawdi kulħadd mhux biss irridu ninvestu fl-infrastruttura imma anke fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna.” 

“Għandna pjan ħolistiku fejn irridu nidħlu fl-iskejjel u naraw li uliedna jkollhom opportunità jitgħallmu f’din l-industrija tal-films li hija tant għal qalbna,” żied jgħid il-Kummissarju tal-Films. 

Avveniment ieħor li tkellem dwaru Grech kien dak li sar il-Ħamis filgħodu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenza bis-sehem ta’ David Walliams. Għal dan l-avveniment attendew mijiet ta’ persuni, inkluż tfal, fejn inġabru wkoll donazzjonijiet b’risq Puttinu Cares. 

Sadanittant, Grech qalilna li panel ta’ ġurija mill-pajjiżi rispettivi taw ir-riżultati tagħhom fir-rigward tar-rebbieħa tal-films li kienu qed jikkompetu flimkien fil-Mediterrane Film Festival. “Qed naraw il-pajjiżi kollha jipparteċipaw flimkien u jagħtu l-opinjonijiet tagħhom għal min se jkun ir-rebbieħ/a, li se jkunu mħabbra l-Ġimgħa filgħaxija.”

Fl-aħħar nett, huwa rrefera għall-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat bejn il-Kummissjoni tal-Films Ingliża u dik Maltija bil-għan li tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn ir-Renju Unit u Malta fl-industrija tal-films. 

“Jiena dejjem ngħid li waħedna żgħra imma jekk naħdmu flimkien aħna akbar. Dan huwa l-kunċett li użajna f’dan il-festival, imma hi l-filosofija tagħna biex naraw li Malta kif dejjem kienet parti mill-istorja tal-Mediterran, tkompli tkun storja ta’ suċċess fl-industrija tal-films. 

“U jekk nibqgħu għaddejjin f’dan il-vjaġġ li qbadna flimkien, l-industrija tal-films fiż-żmien li ġej se tkun industrija ta’ suċċess daqs industriji oħra, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu biex il-ġid igawdi minnu kulħadd,” temm jgħid il-Kummissarju tal-Films Johann Grech. 

Ekonomija

Sport